Thursday, April 18, 2024

IL-KONSUM

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Bdew bit-tlikki t-tlikki imma m’inix se neħodha bi kbira meta jibdew jiżdiedu sew. Għax ma jistax ikun mod ieħor jekk l-Ewropa se tlaħħaq mat-tnaqqis fil-provista ta’ gass li qed jitbassar. Se jkollhom jiddaħħlu kontrolli fuq il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija li jsaħħnu d-djar u l-uffiċċji, u li jagħlfu t-trasport.

Fil-Ġermanja per eżempju issemmew diġà diversi miżuri li mhumiex jintgħoġbu. Dawk li jiġu warajhom żgur se jintgħoġbu ħafna anqas. Fl-istess ħin il-prezz tal-materja prima li tintuża se jkun qed jogħla minkejja s-sussidji li l-gvernijiet qed ilestu. Il-kriżi se taffettwa lill-Ewropa kollha.

Fiċ-ċirkostanzi se jqumu skossi politiċi marbuta mal-politika Ewropea dwar il-gwerra ta’ Putin. F’pajjiżi bħaċ-Ċekja u l-Italja iċ-ċansijiet se jiżdiedu li dil-politika ta’ sostenn lill-Ukrajna u ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja se tkun kontestata. Sa issa l-probabbiltà għadha li l-Ewropej se jippreferu jdaħħlu l-kontrolli fuq il-konsum (fost miżuri oħra) milli jrattbu l-pożizzjoni tagħhom dwar l-invażjoni tal-Ukrajna.

FIL-PAKISTAN

Id-diżastru li seħħ fil-Pakistan bl-għargħar li laqat kważi nofs il-pajjiż hu enormi. Barra l-bosta imwiet, nofshom ta’ tfal imgħarrqa, inqerdu meded bla qies ta’ uċuh tar-raba u miljuni ta’ djar. Pajjiż li finanzjarjament diġà kien jinsab fix-xifer ġarrab ħsarat li kieku kellu wiċċu għad-dawl xorta kienu jfaqqruh. U t-theddida ta’ katastrofu sanitarju baqgħet waħda reali.

Ħafna aktar mill-għarar u n-nirien tal-Ewropa u l-Awstralja, li ġara fil-Pakistan jagħti turija oħra ta’ kemm il-bidla fil-klima qed issir fattur ewlieni fil-ħajja tal-bniedem.

Hi għal kollox ġustifikata l-urġenza ta’ ħidma globali u effettiva biex dil-bidla titreġġa lura, kif fost oħrajn ilu jinsisti s-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda Guterres.

REBĦIET TAL-IMGĦODDI

Kull ġenerazzjoni tiġġenera r-realtajiet tagħha li minnhom twelled il-miti u d-drawwiet li jgħoddu għaliha. Minn ġenerazzjoni għall-oħra madankollu jgħaddu tifkiriet u stejjer dwar l-imgħoddi li fil-passaġġ tagħhom jibdlu xi ftit, ġieli ħafna, mit-tifsira tagħhom biex jirriflettu l-valuri jew preġudizzji taż-żmien li jkun. 

Igħidulna li l-festa tal-Vitorja ilha s-sekli tiġi ċelebrata f’pajjiżna b’kommemorazzjoni tar-rebħa tal-Kavalieri ta’ Ġerusalemm, Rodi u Malta fuq forza Ottomana li invadiet il-gżejjer. Fin-narrativa popolari ta’ x’ġara, kienu l-Maltin mal-kavalieri li wettqu r-rebħa.

Imma kien dan l-aċċent fuq il-kuraġġ tal-Maltin li żamm il-kommemorazzjoni ħajja għal daqstant żmien? Jew kien l-emfażi l-ieħor fuq l-aspett “reliġjuż” tal-ġrajja, murija bħala taqtigħa bejn żewġ emmna rivali?

Dan forsi jispjega għaliex il-kommemorazzjoni tilfet mill-attrazzjoni tagħha fi żminijietna. Niddubita kemm il-Maltin “moderni” jqisu lilhom infushom bħala poplu ta’ kuraġġużi u martri. U niddubita aktar kemm iħossuhom imqanqla minn fervuri reliġjużi. 

Ekonomija

Sport