Thursday, April 18, 2024

Mara tammetti li serqet stereos tal-karozzi

Aqra wkoll

Mara ta’ 28 sena li toqgħod ix-Xgħajra ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li ġiet mixlija li serqet b’aktar minn €3,000 fi stereos tal-karozzi minn ħanut f’Ħal Tarxien. 

Il-mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ġiet mixlija b’serq aggravat u li saret reċidiva. Il-Prosekuzzoni spjegat li l-Pulizija arrestat lill-mara wara li ġiet mgħarrfa bil-każijiet ta’ serq mis-sid tal-ħanut lejn l-aħħar t’Awwissu li għadda. 

Il-Prosekuzzjoni qalet li sid il-ħanut għarraf lill-Pulizija li qabad lill-imputata tisraqlu mill-ħanut wara li ntebaħ li l-istereos li nsterqulu mill-ħanut ittellgħu għall-bejgħ fuq il-Facebook Marketplace.

Il-mara wieġbet ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha. L-Avukat Difensur Arthur Azzopard qal li l-akkużata għandha manija għas-serq u rrimarka li hija rritornat fil-ħanut biex tħallas lis-sid u mhux biex tisraq wara li tella’ filmati tas-CCTV fuq Facebook.

Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tad-Difiża biex isir pre-sentencing report fil-konfront tal-imputata qabel tingħata s-sentenza. Sadanittant, il-mara ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah K. Zerafa. 

Ekonomija

Sport