Saturday, November 16, 2024

Il-Kooperazzjoni mal-Libja wasslet biex mas-7,000 immigrant ma jiddaħħlux f’Malta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li bil-kooperazzjoni tagħna mal-Libja rnexxielna nevitaw kriżi kbira, il-problemi urġenti u fit-tul għad iridu jiġu solvuti.

Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo fid-diskors tiegħu lill-bord iddedikat għall-immigrazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Med Forum 2020, f’konferenza bis-sehem tal-Ministru għall-Intern Taljan, Luciana Lamorgese.

“L-ebda pajjiż, kbir kemm hu kbir, ma jista’ jsolvi l-problema tal-migrazzjoni irregolari waħdu”, qal il-Ministru Bartolo, aħseb u ara pajjiż żgħir bħal Malta li tletin fil-mija tal-ekonomija tiegħu hija bbażata fuq it-turiżmu. Huwa spjega li f’termini ta’ proporzjonalità, elf migranti irregolari li jaslu f’Malta huma ekwivalenti għal miljun wasla fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Bartolo spjega li din is-sena f’Malta waslu 2,256 migrant irregolari, u li ma kienx għar-relazzjonijiet tajbin u l-koperazzjoni b’saħħitha mal-Libja, kienu jaslu mas-7,000 oħra li ġew interċettati grazzi għal tali kooperazzjoni.

Il-Ministru Bartolo qal li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja aktar lil-Libja sabiex tipproteġi l-fruntieri u l-portijiet tagħha waqt li tiġġieled il-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin. Dan fl-istess waqt illi għandha tikkopera aktar mal-Afrika biex id f’id mal-pajjiżi tal-oriġinu, tibni reżiljenza ekonomika, toħloq l-impjiegi, u toffri futur lil dawn il-persuni f’pajjiżhom stess li tant għandu bżonnhom.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo ppropona li jinfetħu aktar ċentri tal-Unjoni Ewropea fl-Afrika bħal dawk fi Rwanda u fin-Niger, u li jsiru titjiriet frekwenti lejn tali ċentri fejn l-applikazzjonijiet tal-migranti rregolari jiġu pproċessati.

Ekonomija

Sport