Sunday, November 3, 2024

“Il-Korea ta’ Fuq qatt mhi se ċċedi l-armi nukleari”

Aqra wkoll

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un qal li pajjiżu qatt mhu se jabbanduna l-armi nukleari hekk kif sostna dawn huma neċessarji biex jikkumbattu lill-Istati Uniti li skontu qiegħda tipprova ddgħajjef id-difiża ta’ Pyongyang u eventwalment twassal biex il-gvern tiegħu jikkollassa.  Kim għamel dawn il-kummenti waqt diskors fil-parlament fejn ġiet mgħoddija liġi li tgħid li l-Korea ta’ Fuq huwa stat nukleari u għandu dritt li juża l-armi nukleari biex jipproteġi lilu nnifsu. Min-naħa tiegħu Kim Jong Un qal li l-istatus nukleari ta’ pajjiżu hu “irriversibbli” u issa huwa pprojbit li jkun hemm diskussjonijiet dwar id-denuklearizzazzjoni.

Din l-azzjoni min-naħa tal-Korea ta’ Fuq saret fi żm­iem meta l-osservaturi qed jgħidu li Pyongyang tidher li qiegħda tipprepara biex tissokta bit-testijiet nukleari għall-ewwel darba mill-2017 ’il hawn. Dan kollu seħħ wara li fl-2018 laqgħat storiċi bejn l-eks President Amerikan Donald Trump u kapijiet oħrajn dinjin fallew milli jikkonvinċu lil Kim biex jabbanduna l-programm nukleari. 

Din il-liġi l-ġdida tgħid li l-Korea ta’ Fuq tista’ tuża l-armi nukleari jekk it-tmexxija tal-pajjiż tkun qiegħda tiffaċċja theddida imminenti “kemm nukleari u anke mhix” minn forzi ostili. Il-liġi tkompli tgħid li l-Korea ta’ Fuq tista’ tuża l-armi nukleari biex tipprevjeni “kriżijiet katastrofiċi” li jkunu qegħdin jiffaċċjaw l-gvern u ċ-ċittadini. Din id-definizzjoni hija waħda vaga ħafna u nisslet tħassib serju fost il-pajjiżi ġirien. 

Dwar l-oppożizzjoni min-naħa tal-Istati Uniti, il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq qal, “ħallihom ipoġġu sanzjonijiet fuqna għal 100 jum, 1,000 jum, 10 snin jew 100 sena … aħna qatt mhu se nċedu d-dritt li niddefendu lilna nfusna biex jippriservaw l-eżistenza ta’ pajjiżna u s-sigurtà tal-poplu tagħna biex sempliċiment innaqqsu xi diffikultajiet li qed nesperjenzaw bħalissa.”

Sport