Thursday, December 26, 2024

Il-Kummissarju għat-Tfal tenfasizza li l-attendenza tat-tfal fl-iskejjel għandha tibqa’ obbligatorja

Aqra wkoll

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jenfasizza l-importanza li l-attendenza tat-tfal fl-iskejjel tibqa’ obbligatorja kif inhu stipulat bil-liġi biex id-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni jkun garantit. Il-Kummissarju għat-tfal qalet li wieħet jipproteġi lil dawk it-tfal li huma meqjusin bħala vulnerabbli fejn jidħol il-Covid-19 huwa importanti u għaldaqstant huma dawn it-tfal biss li għandhom jiġu eżentati milli jattendu l-iskola fiżikament u żiedet tgħid li kull kas għandu jiġi deċiż wara konsultazzjoni u qbil mal-professjonisti.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju qal li jinsab imħasseb dwar x’jista jiġri jekk l-attendenza fl-iskejjel ma tibqax obbligatorja. “Dawk it-tfal li jgħixu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, partikolarment dawk li diġà ma kinux jattendu l-iskola b’mod regolari qabel il-pandemija, se jkomplu jaqgħu lura,” qalet il-Kummissarju filwaqt li żiedet tgħid li għandna nżommu f’moħħna li għal xi tfal, l-iskola huwa l-uniku post sigur u għalhekk għandhom jagħmlu minn kollox biex jiġi żgurat li ebda adult responsabbli biex jibgħathom l-iskola, ma jitħalla jabbuża mis-sistema u jżomm it-tfal id-dar.

Il-Kummissarju żiedet tgħid li f’dawk il-każijiet fejn it-tfal ma jkunux jistgħu jattendu l-iskola fiżikament u se jattendu onlajn, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġi assigurat li d-drittijiet u l-bżonnijiet tagħhom jkunu mħarsa u appellat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex isir dak kollu possibbli fl-aħjar interess tat-tfal. Dan wara li ftit tal-jiem ilu ġie mħabbar li mhux se jkun hemm ċitazzjonijiet f’każ li ġenituri jevitaw milli jibgħatu lill-uliedhom l-iskola minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija.

Ekonomija

Sport