Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta liġi ġdida biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi online

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat liġi ġdida bil-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi fuq l-internet u tindirizza diversi prattiki li qed joħolqu tħassib fost il-konsumaturi Ewropej.

L-aħbar tħabbret mill-Membru Parlamentari Ewropew Malti Alex Agius Saliba, li qal li din il-liġi hija r-riżultat ta’ xhur ta’ ħidma u pressjoni sabiex jiżdiedu l-protezzjonijiet għall-konsumaturi fid-dinja diġitali.

Fost il-miżuri ewlenin hemm aktar trasparenza fl-użu tad-Dynamic Pricing, sistema li permezz tagħha l-prezzijiet jinbidlu skont id-domanda. Din il-prattika tista’ taffettwa, fost oħrajn, il-prezzijiet tal-biljetti għal-logħob tal-futbol, kunċerti, titjiriet u akkomodazzjoni.

Il-liġi għandha l-għan li tindirizza sitwazzjonijiet fejn il-prezzijiet jogħlew b’mod mhux trasparenti, u tiżgura li l-konsumaturi jkollhom aktar informazzjoni dwar kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet li jħallsu online.

Miżura oħra importanti tikkonċerna lill-influencers fuq il-midja soċjali, fejn se jkun hemm aktar responsabbiltà meta jirreklamaw prodotti li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-konsumaturi.

Il-proposta tindirizza wkoll il-problema tal-vizzju tal-użu tal-pjattaformi online (online addiction), li qed tqajjem tħassib dejjem akbar minħabba l-impatt tagħha fuq is-saħħa mentali u l-benesseri tan-nies.

“Din hija aħbar sabiħa ħafna,” qal Agius Saliba, filwaqt li spjega li l-protezzjoni tal-konsumaturi fid-dinja diġitali għandha tkun prijorità.

Il-MPE Malti żied jgħid li dalgħodu ppreżenta din il-liġi flimkien mal-Kummissarju Ewropew Michael McGrath, wara xhur ta’ ħidma sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Din l-inizjattiva hija maħsuba biex tagħti aktar protezzjoni liċ-ċittadini Ewropej meta jixtru prodotti u jużaw servizzi online, f’dinja diġitali li qed tkompli tikber u tinbidel b’pass mgħaġġel.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport