Tuesday, April 23, 2024

Il-kumpanija mgc pharma b’fabbrika ġdida f’Ħal Far

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kapaċità li tipproduċi mal-24,000 kontenitur ta’ mediċina għal persuni b’mard respiratorju

F’pajjiżna, permezz tal-kumpanija Awstraljana mgc pharma, ġiet żviluppat mediċina ġdida f’forma ta’ spray li se tgħin persuni u pazjenti li jbatu minn mard respiratorju, fosthom dawk tal-Covid-19.

Dan tħabbar waqt l-inawgurazzjoni ta’ investiment fil-fabbrika tal-manifattura tal-mediċini għall-mard respiratorju mgc pharma, fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far.

Il-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli bdiet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lil din il-kumpanija li għażlet lil pajjiżna biex tinvesti. Dalli qalet li matul il-pandemija, il-kumpanija mgc pharma mingħajr l-ebda ħela ta’ ħin, għamlet ir-riċerka neċessarja fuq trattamenti kontra l-virus, temmet it-testijiet kliniċi tagħha b’suċċess fi sptarijiet barranin u għażlet pajjiżna għal dan l-investiment. 

“Dan ma sarx b’kumbinazzjoni għax il-Malta Enterprise meta tiġi għan-negozju, taqdi rwol importanti b’assistenza u sapport li tipprovdi”, kompliet il-Ministru.

Wara din ir-riċerka, mgc pharma żviluppat l-mediċina tat-tip CimetrA u se tkun kapaċi tipproduċi aktar minn 24,000 kontenitur kuljum. Żiedet tinnota li l-kumpanija oriġinarjament kellha tbassir li kienet se tkun kapaċi tipproduċi nofs dan l-ammont u dan juri minn diġà kemm dan l-investiment qiegħed iħalli riżultati pożittivi.

Il-Ministru tkellmet dwar it-tieni impjant tal-kumpanija li se jkun qiegħed jiffoka fuq il-proċess tal-kannabis għal skop mediċinali għax il-viżjoni tal-gvern hija li jistabilixxi niċeċ ekonomiċi ġodda permezz ta’ leġislazzjoni f’dan ir-rigward.

“Il-gvern jara lil pajjiżna bħala ċentru tar-riċerka tal-kannabis għal skop mediċinali u għalhekk irridu li nattiraw riċerka, żvilupp produzzjonali u anke testijiet kliniċi”, temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista beda bi kwotazzjoni ta’ Steve Jobs li tgħid li “l-innovazzjoni hija l-abbilità li tara l-bidla bħala opportunità aktar milli theddida”. Spjega li riċentament l-awtorità Maltija qiegħda tiġi rikonoxxuta għas-sigurtà, il-kwalità u l-effiċjenza fi prodotti mediċinali. Tkellem dwar il-virus u kif il-pandemija ddominat l-isfera globali tal-innovazzjoni xjentifika. Debattista sostna li jħares ’il quddiem biex nassistu għal aktar investiment f’dan il-vjaġġ li se jkun qiegħed iwassal mediċini lill-pazjenti Maltin u Għawdxin b’mod ġenwin u effiċjenti.

Il-fundatur tal-kumpanija; Nativ Segev fl-indirizz tiegħu qal li ftit aktar minn sena ilu ġejna affaċċjati bi sfida biex nibnu faċilità li tipproduċi trattamenti relatati mal-covid-19. Huwa qal li f’pajjiżna hawn tim ta’ professjonisti li baqgħu jaħdmu biex jasal dan il-jum li fih u bħala kumpanija jinsabu kburin li fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin jirreċiprokaw il-fiduċja mogħtija lilhom f’aktar impjiegi u tkabbir.

Sport