Wednesday, July 24, 2024

Il-kumpanija tal-iGaming, Evolution, se tkompli tkabbar l-operat tagħha f’pajjiżna

Aqra wkoll

“Evolution, kumpanija tal-iGaming li ilha topera minn pajjiżna mill-2010, se tkompli tkabbar l-operat tagħha f’pajjiżna”, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, waqt żjara f’wieħed mis-siti fejn Evolution joperaw f’pajjiżna.

Evolution, apparti li hija leader fil-qasam tas-sistemi diġitali, għandha wkoll diversi studios f’pajjiżna. Fuq medda ta’ erba’ snin, Evolution ittriplat in-numru ta’ ħaddiema f’pajjiżna biex illum tħaddem madwar 1,400 persuna, inklużi ħaddiema Maltin.

“F’Malta, barra s-sit fl-Imrieħel, Evolution għandha diversi siti oħra u issa se jkunu qed ikomplu jkabbru l-operat tagħhom b’diversi studios oħra ġewwa pajjiżna”, qal il-Ministru Silvio Schembri.

Dan l-investiment se jkun qed ifisser 700 impjieg ġdid ta’ kwalità f’pajjiżna.

Il-Ministru Silvio Schembri spjega li l-ambizzjonijiet għal pajjiżna huma kbar. “Bħala gvern, aħna nipprijoritizzaw it-trawwim ta’ postijiet tax-xogħol li joffru pagi tajbin u jipprovdu valur miżjud għoli, u noħolqu opportunitajiet abbundanti għaċ-ċittadini tagħna”, temm jgħid il-Ministru Schembri.

Ekonomija

Sport