Friday, December 13, 2024

Il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna… jogħla bil-kbir il-prezz taż-żejt u l-qamħ

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif fl-aħħar sigħat beda kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, b’mod immedjat kien hemm effett fuq il-prezz taż-żejt u għadd ta’ materja prima oħra.  Hemm tħassib ukoll kbir minħabba l-prezz tal-qamħ, fejn hu mistenni li dan jiżdied b’mod sostanzjali. Problema oħra hi dik li hemm problemi kbar marbutin ma’ diffikultajiet biex ikun esportat il-qamħ mill-Ukrajna u dan hekk kif bl-invażjoni b’mod partikolari fir-reġjun ta’ Donetsk, dan affettwa negattivament għadd ta’ portijiet u industriji marbutin mal-qamħ. Apparti dan, l-Ukrajna  hi produttur kbir ta’ urabnium, titanium, ħadid, azzar u ammonja. Xejn inqas minn 10 fil-mija tal-importazzjoni tal-azzar fl-Ewropa hi ġejja mill-Ukrajna. 

Sorsi qrib l-industrija f’pajjiżna f’kumment lil Talk.mt qalulna li “qed nistennew li jkun hemm effett fuq għadd ta’ prodotti ta’ materja prima. L-ewwel indikazzjonijiet huma li se jkun hemm żieda fil-prezzijiet ta’ diversi materja prima. Diġa qegħdin nisimgħu b’żieda fil-prezz taż-żejt. Hemm indikazzjonijiet ċari ħafna dwar il-prezz tal-qamħ, minħabba li kemm ir-Russja u kemm l-Ukrajna huma fost l-akbar esportaturi tal-qamħ. Dan il-kunflitt, qed nistennew li se jkollu effett sostanzjali għax anke l-prezzijiet tat-trasport mistennija jogħlew drastikament. Qed nistennew li kemm it-trasport bl-art u kemm it-trasport bl-ajru, mistennija jgħollu l-prezzijiet tagħhom”.

Minħabba dan il-kunflitt rajna il-prezz taż-żejt jitla’ għal $100 ‘l barmil u dan hu l-ogħla prezz sa mis-sena 2014.

Qed ikun previst li għall-futur immedjat, il-prezz taż-żejt se jibqa’ wieħed għoli. 

L-istess sorsi qalulna li “dan il-kunflitt ġie fi żmien ħażin ħafna. Seħħ fi żmien meta id-dinja kienet qed tirkupra minn sentejn pandemija. Dan hu kunflitt li se jkun qed jhedded l-irkupru ekonomiku ta’ ħafna pajjiżi.”

Fl-aħħar sigħat inħareġ ir-rapport Moody’s Global Macro Outlook, fejn dan enfasizza li żieda fil-prezz taż-żejt se joħloq riskju kbir għal irkupru globali. Qalu li “jekk il-prezzijiet se jkun fil-livell ta’ bħalissa, il-pressjoni fuq l-ispiża ta’ kumpaniji, industriji u familji, se tiżdied bil-kbir.” 

Dawk li huma meqjusin bħala is-sostituti taż-żejt għolew ukoll u dan hekk kif il-prezz tal-gass għola ukoll. Il-prezz tal-faħam għola ukoll.

Il-prezz tal-qamħ qed jogħla ukoll

Intant, il-kunflitt wassal ukol biex il-prezz tal-qamħ jibda jogħla ukoll. Kemm ir-Russja u anke l-Ukrajna, huma fost l-akbar ħames esportaturi tal-qamħ fid-dinja u dan qed iwassal għal tħassib li gwerra bejn dawn iż-żewġ pajjiżi se twassal biex ikun hemm effett negattiv fuq il-provvisti. 

Fil-fatt il-prezz tal-qamħ laħaq l-ogħla livell sa minn Diċembru tas-sena 2012, hekk kif it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna żdiedet. 

Bejniethom ir-Russja u l-Ukrajna jissupplixxu kważi 29 fil-mija tas-suq tal-esportazzjoni tal-qamħ. 

Apparti dan l-Ukrajna hi wieħed mill-aktar pajjiżi li jesportaw qamħirrum b’mod partikolari lejn iċ-Ċina. Fis-sena 2021, l-Ukrajna kienet l-akbar esportatur ta’ qamħirrum lejn iċ-Ċina. Il-prezz tal-qamħirrum żdied bi 15.2 fil-mija. 

Ekonomija

Sport