Monday, May 13, 2024

Tom Holland f’avventura spettakolari

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Il-film tal-avventura ispirat minn video-game, “Uncharted”, kiseb suċċess mal-pubblikan Amerikan fi tmiem il-ġimgħa li kien wieħed twil għax kien jinkludi il-President’s Day.  Dan il-film hu stmat li kellu dħu ta’ $45 miljun fuq medda ta’ erbat ijiem.  Il-film kien ukoll test għal Tom Holland u l-popolarità tiegħu lil hinn mil-films ta’ Spider-Man.  “Uncharted” sewa $120 miljun biex inħadem u jrid jaqdef ferm aktar biex jirkupra l-invetsiment imma jidher li qabad it-triq it-tajba.

Fit-tieni post iddebutta “Dog” li jara wkoll id-debutt ta’ Channing Tatum fuq is-siġġu tad-direzzjoni.  Id-dħul ta’ $15-il miljun hu kkunsidrat bħala mhux ħażin u jawgura tajjeb għal Tatum li x-xahar id-dieħel hu protagonist ma’ Sandra Bullock f’“The Lost City” li ser ikun meqjus bħala wieħed mill-films ewlenin għal żmien l-Għid.

Il-film l-ieħor ta’ Tom Holland, “Spider-Man: No Way Home” jokkupa t-tielet post tal-box office Amerikana.  “Death on the Nile” u “Jackass Forever” huma ż-żewġ film l-oħra fl-aqwa ħamsa.

Uncharted

Rajna bosta films ispirati minn video-games fosthom: “Super Mario Bros.”, “Street Fighter”, “Mortal Kombat”, “Resident Evil”, “Assassin’s Creed”, “Tomb Raider” u tant oħrajn minbarra s-sequels ta’ dawk li semmejna. Bi ftit eċċezzjonijiet, bosta iddiżappuntaw.

F’din il-kategorija, “Uncharted” jista’ jitqies bħala wieħed mill-aħjar.  Bħala video game, din ġiet maħluqa minn Naughty Dog u ddebuttat fuq PlayStation fl-2007.  Il-film hu mibni madwar żewġ atturi li jżommu l-film interessanti u eċitanti mill-bidu sa l-aħħar.

Tom Holland għandu l-parti ta’ Nate Drake, żagħżugħ bla malizja u għatxan għall-avventura.  Mark Whalberg jidher fil-parti ta’ Victor Sullivan, li hu makakk u jipprova jgħin lil Nate biex jitgħallem jafda anqas u jkun aktar brikkun f’dan il-mistier ta’ avventurier.

Il-missjoni ta’ dawn it-tnejn tkun li jsibu bagolli mimlija deheb li ġew skoperti 500 sena ilu waqt spedizzjoni immexxija minn Ferdinand Magellan. 

Il-film jibda b’stunt spettakolari li aktar taħseb li hu l-bidu ta’ xi sequel ieħor minn “Fast & Furious”.  Mal-ħin, isir qiesu xi parti minn “Raiders of the Lost Ark” meta jinżlu fl-oqbra f’katakombi f’Barċellona. Lejn l-aħħar taħseb li tkun qed tara xi sequel għall-films ta’ “National Treasure”.

Il-film għandu ħafna mumenti fejn jibni b’mod tajjeb it-tensjoni.  Apparti l-istunt fl-ajru tal-bidnett li nerġgħu narawha f’aktar dettal lejn nofs il-film, “Uncharted” għandu xena oħra spettakolari u l-eżekuzzjoni tagħha hi effettiva.  Qed nirreferi għas-sekwenza fejn Nate u Sully jinfiltraw ġo attività ta’ rkant L-oġġett li jridu jaħtfu taħt idejhom hi ċavetta tad-deheb, f’forma ta’ salib.  Iridha wkoll akkost ta’ kollox, Santiago Moncada (Antonio Banderas), li l-antennati tiegħu kienu għenu finanzjament l-ispedizzjoni ta’ Magellan.  Santiago ried jixtri ċ-ċavetta bil-flus.  Nate u Sully ma jkollhomx il-flus u allura l-alternattiva tagħhom tkun li jisirquha!

Din iċ-ċavetta ma tkunx is-soluzzjoni sħiħa.  Ikun jinħtieġ it-tieni ċavetta li tkun għand Chloe (Sophia Ali).  Iż-żewġ ċwievet huma meħtieġa biex eventwalment jgħaddu mill-passaġġ sigriet li jwassalhom għall-famuża mappa li tgħinhom isibu it-teżor.  Għal ħafna mill-ħin, tibda tistaqsi, għal min tkun qegħda taħdem Chloe?

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Ruben Fleischer, il-film imur lil hinn minn sempliċi estensjoni ta’ video-game.  Huwa mpressjonanti kemm ‘kiber’ Tom Holland bħala attur.  L-iscript hu batut imma l-azzjoni tajba li fih u l-ottimiżmu li juru l-protagonisti inessuk min-nuqqas serju li għandu l-film.

Gwida għal min ser jara “Uncharted”: 12A (persuna taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih xeni ta’ vjolenza moderata.

Dog

L-attur Channing Tatum jagħmel id-debutt tiegħu bħala direttur f’dan il-film “Dog”.  Għandu wkoll il-parti prinċipali ta’ l-Army Ranger Briggs.  Kontra qalbu, Briggs jispiċċa jiġi fdat b’kelba tal-militar Lulu u flimkien iridu jattendu għall-funeral ta’ dak li kien il-handler ta’ din il-kelba.  Il-vjaġġ tad-destinazzjoni hu twil mhux ħażin, għax hu mill-istat ta’ Washington għall-istat ta’ Arizona.  L-avventura ma tonqos, għax il-kelba għall-ewwel ma jieħux grazzja ma’ Briggs.  Qabel jaslu, jiksru xi ftit liġijiet, għal-xagħra ma jmutux imma finalment, it-tnejn jifmhu li jistgħu ikunu ħbieb ta’ xulxin u jgħixu flimkien.

“Dog” hu film passabbli, għandu mumenti tajba komiċi, bis-sorpriżi li ma jonqsux.  Huwa wkoll film li jifli il-ħsara li jħalli t-taħriġ u l-esperjenza militari, mhux biss fuq Briggs imma anke fuq il-kelba.  Forsi mhux daqs il-bnedmin, imma l-annimali għandhom psikoloġija kumplessa wkoll.  Huwa nteressanti kif dan il-buddy movie ma baqax mono-dimensjonali imma jifli l-emozzjonijiet taż-żewġ protagonisti

Dan il-film jurina li Channing Tatum mhux ħażin wara l-kamera.

Gwida għal min ser jara “Dog”: 12A (persuna taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih referenzi għas-sess, referenzi għar-razziżmu, użu ħażin tad-droga u kliem mhux xieraq.

Sport