Wednesday, July 24, 2024

Il-kunflitt bejn Iżrael u l-Hamas….

... Kapitlu ġdid fl-istorja ta' din il-gwerra

Aqra wkoll

Il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Ħamas eskala b’mod li mmarka kapitlu ġdid fi gwerra li ilha għaddejja tul ta’ snin li rat ġenerazzjonijiet jikbru fid-dell tal-gwerra. Waqt li Iżrael jipprepara għal attakk fuq l-art f’Gaża, dan ikompli jitfa’ l-attenzjoni fuq l-istrateġija militari tal-pajjiż, il-ħażniet li għandu ta’ armamenti u l-kumplessitajiet tal-immaniġġjar ta’ gwerra fuq żewġ fronti filwaqt li jimmira li jeqred b’mod sħiħ lill-Ħamas.

Fil-qalba tal-istrateġija ta’ Iżrael hemm dik magħrufa bħala l-Koppla tal-Ħadid, sistema ta’ difiża tal-missili maħsuba biex tinterċetta u teqred rokits ta’ distanzi qosra u tagħmir tal-artillerija. Is-sistema izda, teħtieġ interċettaturi kumplessi u li jieħdu ħafna ħin biex jiġu manifattura. 

F’dinja fejn kull sekonda tgħodd, l-industrija tad-difiża ma taffordjax soluzzjonijiet ta’ malajr. Iżrael daħal f’dan il-kunflitt b’ħażna armi maħsuba għal gwerra fit-tul mhux biss kontra l-Ħamas f’Gaża, iżda potenzjalment il-Hezbollah fil-Libanu wkoll. 

Madankollu, jekk il-gwerra tintensifika, il-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael ikollhom bżonn ibiddlu l-parametri operattivi tal-Koppla tal-Ħadid, proċess li jkun jeħtieġu l-approvazzjoni minn uffiċjali militari ta’ grad għoli u potenzjalment mill-Ministru tad-Difiża.

L-isfidi tal-Iżrael jestendu lil hinn mid-deċiżjonijiet tattiċi. Il-gwerra f’Gaża, b’popolazzjoni densa hija intrinsikament diffiċli. L-użu mill-Ħamas ta’ infrastruttura ċivili bħala tarka u l-preżenza ta’ netwerk vast ta’ mini taħt l-art iżidu aktar  kumplessità li diġa hemm. 

Barra minn hekk, Iżrael ikollu jipprepara għal gwerra potenzjali fuq żewġ fronti jekk il-Hezbollah, li jinsab fuq il-fruntiera tat-Tramuntana ta’ Iżrael, bl-armament tiegħu ta’ missili u rokits, jiddeċiedi li jingħaqad mal-kunflitt.

Filwaqt li l-istrateġisti u l-uffiċjali militari jfasslu pjanijiet, l-ispiża umana tal-kunflitt qed tkompli tiżdied. Għexieren ta’ eluf ta’ Palestinjani ġew spostati, u s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża hija mwiegħra ħafna. L-isptarijiet qorbu lejn kollass sħiħ minħabba nuqqas ta’ fjuwil, u l-aġenziji tal-għajnuna umanitarja qed iwissu dwar il-ħtieġa ddisprata għall-provvisti ta’ fjuwil, ikel, ilma u mediċini.

Il-komunità internazzjonali qed tara b’għajnejha stess dak li għaddej. L-Istati Uniti ħeġġet lill-Iżrael biex ikun ċar fil-miri tiegħu f’Gaża u jevita okkupazzjoni fit-tul. Iżda l-mistoqsija tibqa’: Jista’ Iżrael jelimina l-Ħamas mingħajr ma jikkawża aktar tbatija lill-poplu ċivili Palestinjan maqbud bejn l-isparar u l-bumbardamenti?

F’dan il-kunflitt li qed jikber, iċ-ċertezza hija diffiċli li tinstab u tinkiseb. L-unika garanzija hija li kull deċiżjoni, kull missila sparata, kull ħajja mitlufa, se jinkitbu fl-istorja, u jsawru mhux biss id-destin ta’ Iżrael u l-Palestina iżda wkoll il-pajsaġġ ġeopolitiku tal-Lvant Nofsani.

Ekonomija

Sport