Wednesday, May 15, 2024

EKONOMIJA LI TILQA’ GĦALL-ISFIDI

Aqra wkoll

Pajjiżna huwa determinat li jkompli jappoġġja bis-sħiħ l-ekonomija u jħarisha mill-isfidi li jistgħu jfeġġu minn żmien għall-ieħor, kemm lokali u anke dawk internazzjonali. Huwa għalhekk li l-Gvern mistenni li jibqa’ għaddej bl-istess politika li jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils biex b’hekk iżomm stabbilità fil-prezzijiet bħala miżura kontra l-inflazzjoni. 

Il-mudell ekonomiku li l-Gvern adotta fl-aħħar snin serva tajjeb lill-pajjiż. Madankollu, billi l-ekonomija hija xi ħaġa dinamika, il-mudell ekonomiku jista’ jiġi aġġornat skont ir-realtajiet u ċ-ċirkostanzi tal-mument. Aħna nemmnu li l-Gvern lest jagħmel dan meta tinħass il-ħtieġa. 

Dan nemmnuh ukoll fl-isfond li jitħares il-ġid komuni u jittejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu kollu. Nemmnu wkoll li l-qalba għall-ekonomija ħadra u ċirkolari għandha tkun l-ixprun li jeħodna f’din id-direzzjoni. Għalhekk huwa essenzjali li l-poplu kollu, inkluż il-politiċi, jiġbed ħabel wieħed jekk iridu li tassew pajjiżna jibqa’ jkollu l-istess ritmu ekonomiku li jagħti każ ukoll it-tħaris tal-ambjent. 

Dan kollu ma jistax isir jekk pajjiżna ma jkollux ħaddiema bil-ħiliet adegwati biex jaqdu għad-domanda li dejjem qiegħda tikber ta’ xogħlijiet u snajja li kulma jmur qed isiru aktar teknoloġiċi. 

ll-ħtieġa li pajjiżna jadatta għad-diġitalizzazzjoni hi sfida kbira iżda din mhux se taqtgħalna qalbna bħala Maltin. Għandna għax nifhmu li din l-isfida mhux se ddgħajjifna anzi nemmnu li minnha se noħorġu b’suċċess kif ħriġna minn sfidi oħra fosthom il-pandemija tal-Covid-19. 

Li l-ekonomija tkun reżiljenti f’kull qasam tagħha huwa kruċjali biex jibqgħu sostnuti l-oqsma diversi fosthom il-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni, u dak soċjali. Kif qal tajjeb il-Prim Ministru, pajjiżna qed iħares ukoll li jieħu rotta ekonomika li biha jkattar l-attrazzjoni ta’ Malta għall-investiment dirett barrani. 

Għandna nżommu f’rasna li l-ekonomija llum hi 15% akbar milli kienet fl-2019, fis-sena ta’ qabel il-pandemija. Għalhekk nistennew li dan ir-ritmu ekonomiku ma jaqax lura għaliex jekk jiġri hekk jonqos is-sostenn ta’ dawk l-oqsma essenzjali għall-għajxien tal-poplu. 

Sport