Saturday, October 26, 2024

IL-KUNGRESS NAZZJONALI ĠEWWA Ċ-ĊINA

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Mill-Ħadd 16 ta’ Ottubru, l-attenzjoni tal-media internazzjonali u fuq kollox tal-mexxejja ta’ ħafna pajjiżi madwar id-dinja, se tkun qiegħda ffukata fuq dak li se jkun qiegħed iseħħ ġewwa Beijing, il-belt kapitali taċ-Ċina. Dan minħabba li se jkun qiegħed isir il-Kungress Nazzjonali, kungress li jiġi organizzat kull ħames snin. Dak ta’ din is-sena qiegħed jingħata ħafna aktar attenzjoni minn dawk tas-snin ta’ qabel. Fil-fatt, ħafna osservaturi politiċi qegħdin jgħidu li dan huwa l-aktar wieħed importanti minn żmien il-mewt ta’ Mao Zedong, il-fundatur taċ-Ċina Komunista, mewt li seħħet lura fl-1976.

Dan l-interess kollu huwa assoċjat fost affarijiet oħra minħabba l-mozzjonijiet min­għajr preċedent li mistennija jiġu approvati fih kif ukoll minħabba l-interess li għandhom ħafna pajjiżi madwar id-dinja fuq l-istrateġija li sejra tkun qiegħda tadotta ċ-Ċina fil-politika internazzjonali tagħha. Din il-politika bħalissa hija importanti aktar minn qatt qabel minħabba l-isfidi kummerċjali li għaddejja minnhom id-dinja minħabba l-effetti tal-pandemija kif ukoll tal-gwerra tal-Ukrajna; gwerra li taf tkun meqjusa bħala ġlieda bejn iż-żewġ mudelli politiċi li bħalissa qegħdin jiddominaw id-dinja, li mudell minnhom qiegħed jiġi imbuttat ħafna minn Xi Jinping, il-mexxej suprem Ċiniż li huwa wkoll il-protagonista ta’ dan il-kungress.

Xi Jinping

Mingħajr dubju ta’ xejn, Xi Jinping sejjer jidħol fl-istorja bħala wieħed mill-aktar mexxejja Ċiniżi b’saħħit­hom ta’ kull żmien. Fil-fatt, il-media internazzjonali qed tiddeskrivih bħala mexxej li jgawdi saħħa politika tal-istess livell li kellhom l-istess Mao Zedong u Deng Xiaoping, l-aktar żewġ mexxejja magħrufa li mexxew liċ-Ċina wara li l-Partit Komunista kien ħa t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż fl-1949.

Xi Jinping twieled fil-15 ta’ Ġunju tal-1953 minn familja ta’ politikanti Komunisti. Però, huwa kien qatta’ t-tfulija u ż-żgħożija tiegħu ġewwa belt imwarrba minħabba li missieru kellu xi inkwiet mal-Partit Komunista; inkwiet li wassal sabiex il-familja Jinping ġiet eżiljata bħala kastig.

Minkejja li Xi Jinping dam ħafna sabiex irranka fil-karriera politika tiegħu, probabbilment minħabba dak li kien ġara lil missieru, malli għamel l-ewwel avvanzi huwa kompla tiela’ fil-ġerarkija tal-partit sakemm fl-2012, huwa ħa l-ogħla karigi politiċi ġewwa ċ-Ċina, li huma dawk ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista, iċ-Chairman tal-Kumitat Ċentrali tal-Armata Ċiniża u ta’ President taċ-Ċina.

Xi Jinping, li żżewweġ darbtejn u huwa missier ta’ tifla, huwa meqjus bħala l-aktar mexxej awtoritarju Ċiniż ta’ dawn l-aħħar deċennji. Dejjem skont il-media tal-Punent, kemm ilu jmexxi liċ-Ċina, huwa żied ħafna ċ-ċensura u l-kontrolli fuq iċ-ċittadini. Matul dawn il-ħdax-il sena li ilu jmexxi, il-media internazzjonali kemm-il darba rrappurtat każi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bl-aktar każ li kien qajjem furur kien dak tal-persekuzzjoni tal-­Uyghurs, minoranza ta’ twemmin Iżlamiku li tgħix ġewwa ċ-Ċina.

Il-kungress Nazzjonali

F’dan il-kungress jieħdu sehem madwar 2,300 delegat minn madwar iċ-Ċina kollha. Matul dan il-kungress dawn id-delegati sejrin ikunu qegħdin jagħżlu madwar 370 membru tal-Kumitat Ċentrali li dejjem ikun magħmul minn nies li jkollhom karigi għoljin ġewwa l-Partit Komunista u ġewwa l-armata, kif ukoll ġewwa kumpaniji statali kbar. Skont il-media Ċiniża hemm madwar 400 kontestant. Eventwalment, minn dan il-kungress għandhom jintgħażlu s-sebgħa membri tal-Politburo, l-organu fi ħdan il-Partit Komunista li ġewwa fih jittieħdu l-aktar deċiżjonijiet politiċi importanti.

Fuq kollox, matul dan il-kungress mistennija tittieħed deċiżjoni li hija mingħajr preċedent matul dawn l-aħħar deċennji, deċiżjoni li permezz tagħha Xi Jinping sejjer jingħata ċ-ċans li jerġa’ jkun eleġibbli għall-karigi li jħaddan minkejja li diġà skadewlu ż-żewġ termini li kellu skont l-istatut tal-Partit Komunista Ċiniż. L-indikazzjonijiet huma li hija ħaġa kważi ċerta li din il-mozzjoni sejra tkun approvata kif ukoll li l-membri tal-politburo u tal-kumitat ċentrali l-ġodda sejrin ikunu mimlija aktar minn qatt qabel minn nies leali lejn l-istess Xi Jinping.

Il-mudell Ċiniż esportat

Xi Jinping huwa meqjus mill-Punent bħala perikoluż ħafna aktar minn mexxejja awtokratiċi oħra bħal Vladimir Putin u Kim Jong-un tal-Korea ta’ Fuq. Dan minħabba li Xi Jinping għandu strateġija internazzjonali li jimbotta mudell politiku li huwa kontradittorju għal dak li ġie introdott mill-Punent wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan il-mudell ta’ Xi Jinping huwa adattat ħafna għall-pajjiżi li jitmexxew b’mod awtokratiku. Iċ-­Ċina qiegħda tiġbed lil diversi pajjiżi lejn dan il-mudell taħt id-direzzjoni tagħha permezz ta’ skemi bħal dik magħrufa bħala, ‘it-Triq tal-Ħarir’, li tgħin pajjiżi fil-bżonn b’self u għotjiet finanzjarji u b’hekk tiġbidhom lejha.

Iċ-Ċina ta’ Jinping fi sfera internazzjonali

Minkejja li rnexxielha tiġ­bed lejha lil dawn il-pajjiżi pjuttost foqra li issa qegħdin taħt l-influwenza Ċiniża minħabba li issa huma obbligati minħabba l-għajnuna li ngħataw, it-tmexxija ta’ Jinping pjuttost iżolat liċ-­Ċina minn diversi pajjiżi kbar oħra.

L-ewwel u qabel ­kollox, l-istrateġija ta’ Jinping li jibqa’ għaddej bil-miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-pan­de­mija, minflok ma adotta l-­istrateġija ta’ pajjiżi oħra li jibdew jgħixu b’mod normali mill-ġdid, waqqfet ħaf­na mill-kuntatti li ­kellhom iċ-Ċiniżi mal-barranin. Na­turalment, dan iżola liċ-­Ċina f’affarijiet bħal riċerka mill-kumplament tal-komunità akkademika.

Deċiżjonijiet oħra li ħa komplew naqqsu l-investiment barrani fil-paj­jiż. Fuq quddiem ta’ dawn l-­iskemi hemm dik li kull kumpanija barranija ġewwa ċ-Ċina trid tgħaddi l-informazzjoni kollha tagħha lill-Gvern Ċiniż li naturalment, min-naħa tiegħu jista’ jgħaddiha lil kumpaniji Ċiniżi rivali ta’ dawn l-investituri barranin.

L-aggressività politika ta’ Xi Jinping wasslet sabiex pajjiżi mill-Punent jieħdu miżuri drastiċi fil-­konfront taċ-Ċina l-aktar sabiex iwaq­qfuha milli tilħaqhom f’setturi li huma kkunsidrati bħala ta’ sigurtà internazzjonali. Quddiem nett fost dawn il-miżuri hemm id-deċiżjoni li ħa Joe Biden li jwaqqaf kumpaniji milli jbigħu xi komponenti elettroniċi liċ-­Ċina.

Bħalissa, għall-ewwel dar­­­ba fl-istorja, il-komunità internazzjonali għandha qud­­diemha l-isfida ta’ ­mexxej awtokratiku b’riżorsi ma jis­piċċaw qatt taħt idejh li jista’ jużahom meta jrid kontra l-pajjiżi tal-Punent. ­Teżisti dilemma fuq l-istrateġija li għandha tkun adottata fil-konfront taċ-Ċina rigward jekk il-pajjiżi tal-Punent għandhomx iżidu l-pressjoni fuq Xi Jinping u għalhekk jipprovokawh jew inkella jippruvaw jaħdmu miegħu sabiex iżommu l-istatus quo.

Sport