Friday, May 3, 2024

Il-Malta Handball Association taħtar lil Diogo Castro bħala Handball Development u Technical Director

Aqra wkoll

Il-Malta Handball Association ħatret lil Diogo Castro fil-kariga ta’ Handball Development u Technical Director għat-timijiet nazzjonali. Diogo Castro huwa Brażiljan b’passaport Portugiż li għandu esperjenza vasta fil-handball fl-oqsma tal-kowċing u l-iżvilupp. Huwa għandu ċertifikat ta’ Master Coach tal-EHF u gradwat b’Master’s fl-Edukazzjoni Fiżika.

Diogo Castro kellu karigi ta’ assistent tekniku, analista u trainer tal-goalkeepers ma’ diversi timijiet nazzjonali tal-irġiel Brażiljani u ħadem ukoll mill-qrib ma’ Jordi Ribera, il-kowċ nazzjonali ta’ Spanja, bħala analista tal-vidjow u tal-prestazzjoni mat-timijiet nazzjonali tal-irġiel Spanjoli matul il-Logħob Olimpiku ta’ Tokyo ( midalja tal-bronż), il-Kampjonat Ewropew 2018 u 2020 (midalja tad-deheb) u 2022 (midalja tal-fidda), u l-Kampjonat tad-Dinja 2021 (midalja tal-bronż).

Diogo Castro se jkun responsabbli mill-proġett tal-mini-handball #ForTheFuture li tnieda fl-aħħar ta’ Settembru li għadda. Huwa ser jieħu ħsieb  wkoll ir-ristrutturar tal-edukazzjoni u l-korsijiet tal-kowċing, u l-iżvilupp tal-plejers. Huwa se jikkoordina wkoll is-settur tat-timijiet nazzjonali.

Dan huwa tragward ieħor importanti għall-Malta Handball Association li huwa konformi mal-għanijiet strateġiċi tagħha u l-Proġett tal-Master Plan tal-Federazzjoni Ewropea tal-Handball.

Sport