Saturday, December 21, 2024

IL-KURA TAD-DWIEFER

Aqra wkoll

Illum nixtiequ naqsmu magħkom xi linji gwida li tistgħu ssegwu mill-kumdità ta’ djarkom, sabiex iżżommu d-dwiefer, flimkien mal-ġilda tal-idejn u s-saqajn, fl-aħjar kundizzjoni possibbli.

L-indafa fid-dwiefer hija importanti ħafna biex nevitaw iċ-ċans li jittrabbew diversi mikrobi, bħall-bakterja, jew moffi. F’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija huwa rrakomandat li nżommu d-dwiefer qosra kemm jista’ jkun, biex ma jidħolx ħmieġ taħthom.

Id-difer għandu wkoll jinħasel bi ‘brush’ żgħir li jilħaq sew kull rokna, u kif wkoll inżoqqu lill-“cuticle” bi żjut apposta sabiex nevitaw li jikbru x-xullief u nagħtu iktar vitalità lill-ġilda ta’ madwar id-difer. Wara li nagħmlu dan, nistgħu nużaw wkoll “nail hardner” sabiex id-difer jissoda iktar. Il-vitamini B u Ċ, u l-minerali bħall-“magnesium”, il-ħadid u ż-“zinc” wkoll jgħinu biex jissaħħaħ id-difer.

Minħabba li bħalissa qegħdin naħslu ħafna iktar idejna u nużaw is-‘sanitizer’ ta’ spiss, hemm tendenza li l-ġilda ta’ idejna tixotta. Għalhekk, huwa importanti li nużaw krema tal-idejn, li tgħin il-ġilda tkun aktar morbida. Il-kura tal-ġilda tas-saqajn hija importanti wkoll.

Apparti li napplikaw “body butters” ħalli nevitaw li jittrabbew il-kallijiet, dan nistgħu wkoll nagħmluh billi inżommu saqajna nodfa u xotti mill-ilma, u fejn nistgħu, inħallu saqajna ftit għall-arja biex nipprevjenu l-infezzjonijiet tal-moffi. Jekk wieħed jara li qed irabbi xi ġilda iebsa, nefħa, uġieħ jew kundizzjonijiet abnormali oħrajn fis-saqajn, dejjem għandu jieħu parir professjonali mingħand podoloġista.

Fatti oħrajn importanti li ta’ min wieħed isemmi huwa li d-difer jaf saħansitra jbiddel il-forma jew il-kulur tiegħu, jew jinqasam u jsir iktar fraġli, anke b’riżultat ta’ ċerti kundizzjonijiet mediċi li ma jkunux qegħdin jiġu kkontrollati sew.

Dan bħal ngħidu aħna; problemi fit-thyroid, fil-pulmun, fil-qalb jew fil-fwied, f’infezzjonijiet bħall-endocardite u l-ħepatite, il-psoriasis, f’malnutrizzjoni jew f’defiċjenzi ta’ ċerti minerali u vitamini, f’anemija, u anke b’kaġun ta’ anzjetà jew stress qawwi, fost oħrajn.

Għaldaqstant, huwa importanti li dejjem titkellmu mat-tabib tagħkom, jekk tħossu li hemm xi bidliet drastiċi fl-apparenza tad-dwiefer tagħkom, speċjalment jekk dawn xorta jibqgħu jidgħajjfu minkejja li qegħdin tittrattawhom bi prodotti professjonali msemmija hawn fuq. 

Din l-informazzjoni kienet miġjuba lilkom minn: Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, BSc (Hons) Rad; M.D. MSc FM (Tabiba), +356 77 35 70 98 u Ms. Roxanne Calleja (Teknixin tad-Dwiefer).

Jekk tixtieq ssegwi il-blog ta’ Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, li fih diversi materjali relatati mas-saħħa ħolistika, u kif ukoll updates affidabbli fuq il-Covid-19, li huma maħruġin mill-WHO, eCDC, jew awtoritajiet pubbliċi lokali, tista’ tagħmel dan billi żżur u tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:  ×Be Holistically Healthy, MD×  www.facebook.com/be.heart.healthy

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt ma’ Ms. Roxanne Calleja, tista’ żżur is-sit: www.facebook.com/153702391856874

Ekonomija

Sport