Tuesday, April 30, 2024

Imsaħħa r-relazzjonijiet bejn il-GWU u ċ-CGIL

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja l-pandemija, ir-relazzjonijiet bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL) komplew jissaħħu għall-benefiċċju tal-ħaddiema taż-żewġ pajjiżi.

Dawn ir-relazzjonijiet komplew jiġu diskussi lbieraħ waqt laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU kellha ma’ rappreżentanti taċ-CGIL ta’ Sqallija fil-Workers Memorial Building, il-Belt.

F’kelmtejn ta’ introduzzjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja semma kif fl-2019 kien twaqqaf Contact Point fil-bini tal-GWU li joffri għajnuna lill-ħaddiema Taljani li jaħdmu Malta. Huwa żied jgħid però li l-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha xekklu xi ftit il-ħidma ta’ dan l-uffiċċju. 

Minkejja dan, f’Marzu ta’ din is-sena ġie ffirmat ftehim li jipprovdi għar-rikonoxximent bi-direzzjonali tal-membri tal-GWU bħala membri taċ-CGIL sabiex ikunu intitolati għas-servizzi kollha disponibbli fiż-żewġ pajjiżi. Dan filwaqt li jwassal għat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u għal iktar opportunitajiet fi proġetti Ewropej. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU kompla jgħid li permezz tal-Fondazzjoni Reggie Miller u l-iskola tal-Ingliż Unilang, tħejja ftehim li jagħmilha possibbli għall-impjegati u l-membri kollha taċ-CGIL li jgawdu minn tagħlim tal-lingwa Ingliża. 

Bugeja sostna wkoll li l-kollaborazzjoni bejn il-GWU u ċ-CGIL issoktat ukoll fuq livell Ewropew bil-proġett “PIT – Posting in Transport”. Dan il-proġett jikkonsisti fit-twettiq ta’ riċerka dwar ‘posted-workers’ fis-settur tat-trasport u fuq l-attivitajiet ta’ kollaborazzjoni u superviżjoni mid-diversi korpi Ewropej u nazzjonali, bl-aħħar attività mistenni li ssir hawn Malta. 

Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant taċ-CGIL Salvatore Marra tkellem ukoll dwar il-kollaborazzjoni b’saħħitha li teżisti bejn iż-żewġ naħat u rringrazzja lill-GWU tal-ħidma tagħha fil-qasam tax-xogħol. Qal ukoll li l-ħidma trid tissokta f’diversi proġetti Ewropej, anke fejn jidħlu ħaddiema migranti li jistgħu jkunu soġġetti għal sfruttament.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Victor Carachi – il-President tal-GWU, Kevin Camilleri – id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Riccardo Travaglini – il-Kap tal-Contact Point GWU-CGIL, Monica Ceremigna – Project Manager, Politika Ewropea u Internazzjonali fi ħdan iċ-CGIL, u Giuseppe Augurusa mid-Dipartiment Nazzjonali tax-Xogħol Transkonfinali u tal-Kunsill Interreġjonali tat-Trejdunjins taċ-CGIL. 

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport