Wednesday, October 9, 2024

KARRIERA BLA FAMILJA FIL-ĠAPPUN

Luana Cini
Luana Cini
Sinoloġista

Aqra wkoll

L-artiklu li qed nikteb din id-darba huwa wieħed iktar personali. Bħal dawn iż-żminijiet ta’ sentejn ilu, jien erbaħt borża ta’ studju ġewwa l-belt kapitali tal-Ġappun – Tokyo. Studjajt dwar l-ekonomija Ġappuniża fl-Università ta’ Sofia.

Għalkemm jien kont diġà żort il-Ġappun xi ftit ta’ snin qabel, indunajt kemm kont naf ftit fuq il-ħajja li verament jgħixu l-Ġappuniżi speċjalment ġewwa Tokyo. Wieħed mill-Professuri f’lezzjoni minnhom semma’ l-kelma sarariman jew salaryman. Jien u l-istudenti l-oħra Ewropej bqajna nħarsu lejn xulxin għaliex qatt ma konna smajna b’dan it-terminu.

Salaryman hija deskrizzjoni tipika t’impjegat maskili ta’ “kullar abjad” li tipikament jaqla’ s-salarju tiegħu abbażi l-abbilitajiet individwali iktar milli fuq senjorita. Huwa magħruf li salaryman jidħol f’impjieg eżatt kif joħroġ mill-Università u huwa mistenni li jibqa’ fl-istess kumpanija sal-irtirar, madwar iż-żmien li jilħqu bejn il-55 u s-60 sena. Bħala turija ta’ rispett  tal-lealtà tas-salaryman, kumpaniji rarament ikeċċuhom sakemm ma jkunux ċirkostanzi speċjali “koroh”.

Huwa magħruf li salaryman jaħdem ħafna sigħat, saħansitra tmenin siegħa fil-ġimgħa. Minħabba li salaryman jaħdem bla waqfien, m’għandux ħin biex ikollu relazzjoni ma’ persuna u jibni familja, allura jagħżel li jibqa’ waħdu. Hemm ukoll twemmin li l-ammont ta’ ħin li salaryman iqatta’ fuq il-post tax-xogħol jikkorrelata mal-effiċjenza tiegħu. Sfortunatament, bħala riżultat ta’ dan l-istil ta’ ħajja intensiva mmexxi mix-xogħol, hemm ċans ikbar li salaryman, jekk ikkomparat ma’ bniedem ġappuniż tat-tieni klassi, jista’ jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali jew fiżika, attakk tal-qalb jew anke suwiċidju.

Forsi tistaqsu, allura irġiel biss issib? Le, kyariauman huwa t-terminu Ġappuniż għal mara ta’ karriera. It-terminu jirreferi għat-tip ta’ mara Ġappuniża miżżewġa jew le, li ssegwi karriera biex taqla’ l-għajxien tagħha b’mod speċjali għall-avvanz personali tagħha, aktar milli tkun mara tad-dar mingħajr xogħol barra minn darha. It-terminu beda jintuża meta n-nisa kienu mistennija jiżżewġu u jsiru nisa tad-dar wara perjodu qasir ta’ xogħol bħala uffiċjali.

Fil-Ġappun mara li trid jiżżewweġ u jkollha familja ma jistax ikollha karriera wkoll għaliex persentaġġ kbir tal-irġiel għadhom jimxu mat-tradizzjoni li post il-mara huwa d-dar. Il-Professur kien qalilna li ħafna drabi nisa li damu ħafna jistudjaw, jispiċċaw ma jiżżewġux jew jiżżewġu u jibqgħu bla tfal għaliex ħajjithom joffruha lil kumpanija li jkunu qed jaħdmu magħha. Kien staqsa lili u lill-Ewropej sħabi din il-mistoqsija: “Taħsbu li hemm xi soluzzjoni sabiex nisa ta’ karriera jkunu jistgħu jkollhom kemm karriera kif ukoll irabbu familja?”

Ħadd ma kien tkellem ħlief jien. Kont ftaħart kif Malta, pajjiż tant żgħir u inqas avvanzat minn pajjiż bħal Ġappun, għandu Gvern li joffri childcare b’xejn għal kulħadd sabiex il-mara tkun tista’ ssib impjieg u tavvanza fih ukoll. L-istudenti Ewropej wkoll, ma setgħux jemmnu b’dak li kienu qed jisimgħu. Jien li ġejt bżonn is-servizz taċ-childcare indunajt kemm kont żbaljata meta ssottovalutajt lil pajjiżi. 

Il-Ġappun, pajjiż li tant u tant għandu x’joffri fejn tidħol kultura, storja, ekonomija, teknoloġija imbagħad xi ħaġa li aħna l-Maltin saret in-norma, li ngawdu minn childcare b’xejn, il-Ġappun m’għandux. 

Sport