Wednesday, April 24, 2024

“Il-kuraġġ ta’ ibni jqawwili qalbi” – Missier Gabriel li s-sena d-dieħla mistenni jagħmel operazzjoni fl-Amerika

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Hekk kif għada jiġi ċċelebrat Jum il-Missier, dan is-sit tkellem ma’ Mario Abela, missier tat-tfajjel Gabriel li llum il-ġurnata għandu tmien snin. Gabriel għandu kundizzjoni li tissejjaħ bħala ‘Static Encephalophathy’ jiġifieri l-kundizzjoni ta’ diżabilità fiżika li kulħadd jaf magħrufa bħala Cerebral Palsy.

“Ninsab kburi ħafna li jien missier ta’ tliet itfal li għandhom esperjenzi differenti, fosthom Gabriel. Gabriel huwa tfajjel ferrieħi, bravu fl-iskola u maħbub minn bosta tant li ħafna huma dawk li jsaqsuna dwaru. Huwa wkoll tfajjel kuraġġjuż u ma jaqtax qalbu. Bil-kuraġġ tiegħu jagħmlilna kuraġġ kbir u jqawwili qalbi,” qal Mario.

Mario, flimkien mal-mara tiegħu Marcelle Abela, jgħinu ħafna lil Gabriel biex saħansitra jagħmel terapija mid-dar. Missieru żied jgħid, “Inħossni sodisfatt ħafna li Gabriel qed jagħmel il-progress u bħalissa qed ngħallmuh biex jitgħallem ċertu ħiliet importanti biex ikun indipendenti. Verament nixtieq li uliedi jkollhom ħajja sabiħa.”

Missier Gabriel qal li t-tfajjel għandu bżonn jagħmel tliet operazzjonijiet ġewwa l-Amerika. Waħda mill-operazzjonijiet tissejjaħ SDR (selective dorsal rhysothomy) oercs abductors u hamstring lengthening. Dawn kollha se jgħinu lit-tifel biex titneħħa l-qbusija li għandu madwar ġismu. 

Din l-operazzjoni kellha tiġi posposta minħabba s-sitwazzjoni marbuta mal-pandemija tal-Covid-19. “Kienu tawna d-data biex nagħmluha f’Awwissu ta’ din is-sena imma minħabba xi inċertezzi dwar is-sitwazzjoni, se nkunu qed nagħmlu l-operazzjoni f’Awwissu tas-sena d-dieħla. Wara l-operazzjoni rridu nibqgħu xahar hemmhekk u jrid jagħmel sena sħiħa ta’ terapija,” qal Mario.

L-operazzjoni ta’ Gabriel tiswa eluf ta’ flus u għad baqa’ €10,000 biex jinġabru.  Min jixtieq jgħinu  jista’ jagħmel dan billi jagħmel kuntatt mal-ġenituri tiegħu fuq il-paġna ta’ Facebook bl-isem ta’ ‘Sunshine for Gabriel’ jew permezz ta’ Revolut 99871752. 

Sport