Saturday, December 28, 2024

Il-Kurja tgħid li tappoġġja bis-sħiħ monument ta’ tifkira għall-vittmi tal-interdett

Aqra wkoll

B’referenza għal artiklu ppubblikat f’IT-TORĊA b’rabta mal-proposta ta’ mafkar għall-vittmi tal-interdett, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ċċarat fi stqarrija li ħarġet illi fit-18 ta’ Mejju 2020, l-Arċisqof Charles Scicluna kien kiteb lill-ministru ta’ dak iż-żmien José Herrera fejn stqarr li l-Knisja tappoġġja t-twaqqif ta’ monument bħal dan fl-ispirtu ta’ għaqda nazzjonali.

Il-Kurja qalet li minħabba li l-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta fih it-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Knisja, li jieħu każijiet matrimonjali delikati, l-Arċidjoċesi ma xtaqitx tirriskja li tikkomprometti l-livell għoli ta’ kunfidenzjalità meħtieġa fi proċeduri sensittivi bħal dawn. 

Għalhekk l-Arċidjoċesi qalet li ssuġġeriet lill-ministru ta’ dak iż-żmien biex monument bħal dan jitpoġġa f’post pubbliku u laqgħet il-proposta ta’ Dr Herrera li jintuża l-Ġnien tal-Mall fil-Furjana għal dan il-għan għax hu ċentrali u aċċessibbli.

L-Arċidjoċesi kompliet tgħid li hija qatt ma rċeviet tweġiba għal din l-ittra iżda tkompli tilqa’ b’idha miftuħa u tappoġġja bis-sħiħ inizjattiva bħal din kif ukoll kwalunkwe inizjattiva għal monument iddedikat lill-vittmi kollha ta’ vjolenza fiżika u morali kemm mill-Knisja kif ukoll mill-Istat. 

Fl-istqarrija, ġie nnutat ukoll li fit-2 ta’ Novembru 2019, l-Arċisqof Scicluna kien bierek l-oqbra taċ-ċimiterju fil-parti magħrufa bħala “il-Miżbla”, inkluż dak tal-eks Deputat Prim Ministru Ġużè Ellul Mercer, u – fuq l-eżempju li taw l-arċisqfijiet ta’ qablu Michael Gonzi, Joseph Mercieca u Paul Cremona – talab maħfra għal li għamlet il-Knisja f’dak iż-żmien.

Ekonomija

Sport