Sunday, April 14, 2024

“Tliet snin ta’ skiet mill-Kurja” dwar mafkar għall-vittmi tal-interdett fil-Belt Valletta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’Mejju tas-sena 2020, jiġifieri tliet snin ilu, il-Kurja tal-Arċisqof wara li kienet ġiet imfakkra dwar proposta ta’ mafkar għall-vittmi tal-interdett, kienet infurmat li kienet se tiddiskuti proposta li kienet saritilha tliet xhur qabel. F’risposta li kienet bagħtet lill-Gvern kienet għarrfet li l-Kulleġġ tal-Konsulturi kien se jiddiskuti l-proposta mressqa u dan għax il-proposta kienet tgħid li l-mafkar għandu jkun fil-Ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta, ġnien li sa issa dejjem kien magħluq għall-pubbliku. Il-proposta kienet tgħid li l-ispiża mal-mafkar u dak li kien hemm bżonn kienet se tinħareġ mill-Gvern. Minn dak inhar ‘lhawn għaddew tliet snin. Sa issa kien hemm biss skiet mill-Kurja dwar din il-proposta. Mhux magħruf x’iddeċieda l-Konsull tal-Konsulturi.

Tefa’ dawl dwar dan Jason Micallef, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, meta tkellem ma’ IT-TORĊA dwar il-proposta tal-mafkar. Meta tkellimna ma’ Jason Micallef, qalilna li “kont ilni naħseb dwar dan il-mafkar. Jien inqis l-interdett bħala l-akbar traġedja umana li seħħet f’dan il-pajjiż. Affettwat ħafna familji u ħalliethom imweġġgħin. L-interdett wassal biex eluf ta’ nies mietu bil-piena. Dawn kienu nies li ħasbu li se jmorru l-infern. Kellhom familji li spiċċaw trawmatizzati. Kellek nies li spiċċaw ma tgħammdux. Nies li ma ngħatawx is-sagramenti. Oħrajn indifnu f’dik li kienet issejħet il-miżbla.”

Lil hinn minn apoloġija … lanqas sqaq m’għandna msemmi għal din l-aktar traġedja umana fil-pajjiż

Jason Micallef jenfasizza li “matul dawn is-snin kollha li għaddew, lil hinn minn apoloġija, għax kemm l-Arċisqof Ġużeppi Merċieca u kemm l-Arċisqof Charles J. Scicluna għamlu apoloġija, f’pajjiżna ma għandna xejn xi jfakkar din l-akbar traġedja umana f’pajjina.  Inkredibbli lanqas sqaq m’hawn imsemmi. Din kienet ġrajja li damet disa’ snin mill-1960 sa 1969. Jien dejjem kont nhewden biex issir xi ħaġa u jitfakkar dawn in-nies, li baqgħu akkost ta’ kollox sodi fil-prinċipji tagħhom. Dejjem kont naħseb fuq xi ħaġa bħal memorja kollettiva.”

Tenna li “fil-bidu tas-sena 2020, kont ħriġt bl-idea li l-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof bi ftehim mal-Kurja, jinbidel bħala mafkar  għal dawk li sofrew mill-interdett. Kont mort inkellem lill-Ministru Josè Herrera, għax id-Direttorat tar-Restawr kien jaqa’ taħtu.  Spjegajtlu l-ħsibijiet li kelli. Kont għamiltlu l-proposta li nixtieq li bi spiża tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt,  isir ġnien pubbliku. Biex iseħħ dan kien hemm bżonn li jinfetaħ bieb għal dan il-ġnien. L-idea tiegħi kienet li dan isir ġnien ta’ rilassament u jissemma’ għall-vittmi tal-interdett.  Dan il-ġnien  pubbliku seta’ jinfetaħ b’semplici fetħa minn Triq San Kristofru kien se jagħmel parti mill-proġett eżistenti tal-Valletta Design Cluster li tinsab bieb ma’ bieb mal-gnien tal-Palazz tal-Arċisqof fi Triq San Kristofru fil-Belt Valletta”.

Jason Micallef jiddikjara li “wara li tkellimna l-Ministru kien qalli li l-idea għoġbitu iżda qalli li dwarha jridu jsiru diskussjonijiet mal-Ariċsqof”.

“Jien ma kontx qed naħseb f’monument bħal dawk li naraw imxerrdin mat-toroq tagħna. Kont qed naħseb f’monument tanġibbli. Li jkun post li fih tidħol f’serenità u paċi. Ridt li l-post ikun wieħed li jwassal għal rikonċiljazzjoni ta’ vera.”

Il-Ministru appoġġjani u ltqajna mal-Arċisqof

Jason Micallef jiddikjara li “l-Ministru Herrera appoġġjani u kellu l-appoġġ biex din l-idea titwettaq.  Fis-17 ta’ Frar tas-sena 2020 jien u l-Ministru Herrera konna morna għand l-Arċisqof. Iltqajna miegħu u hu kellu miegħu persuni mis-segretarjat. Spjegajnielu l-proposta tagħna.  Għednielu li se jkun hemm bżonn niftħu bieb u nfurmajna li konna lesti noħorġu l-ispiża kollha neċessarja għal dan u anke għaż-żamma tal-post u biex dan jinfetaħ. Spjegajna li xtaqna li dan jissemma’ għall-vittmi tal-interdett u li jkun hemm plakka li tispjega kif seħħet din il-ġrajja. L-Arċisqof sema’ dak li kellna xi ngħidu u kien wegħdna li se jikkunsidra l-proposta.”

“Għadda iż-żmien u ma smajna xejn. Baqgħet ma ġiet l-ebda tweġiba. Il-Ministru Herrera kien fakkar lil Arċisqof dwar il-proposta u fil-11 ta’ Mejju tas-sena 2020, tliet xhur wara l-laqgħa tiġi nota li fiha l-Arċisqof jgħid li se jiddiskuti l-proposta mal-Kulleġġ tal-Konsulturi. Minn dakinhar ma’ smajna xejn aktar”, itemm jgħid Jason Micallef.

Wieħed ma jistax ma jirrimarkaw li issa għaddew tliet snin minn mindu l-Arċisqof informa li l-Kulleġġ tal-Konsulturi kien se jiddiskuti l-proposta. Il-mistoqsijiet huma ċari, il-kulleġġ qabel mal-proposta? Jekk qabel mal-proposta ħaliex id-deċiżjoni ma ġietx komunikata? Jekk ma’ qabilx, x’inhuma r-raġunijiet li għal dan in-nuqqas ta’ qbil?

Lil hinn minn dan, wieħed ma jistax ma jistaqsix meta se ssir il-vera rikonċiljazzjoni dwar dan l-episodju ikrah fl-istorja ta’ Malta. Episodju li l-ġrieħi li kkawża qatt ma’ għalqu.

Ekonomija

Sport