Saturday, May 4, 2024

IL-KWALITÀ TA’ ĦAJJITNA … PASSI GĦAQLIN GĦAL WAĦDA AĦJAR

Aqra wkoll

Hekk kif tħabbar li minn Awwissu se tidħol fis-seħħ id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, wieħed jistaqsi x’se jiggwadanja eżattament minn dawn il-miżuri li qed jingħad li se jsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll jintroduċu lista ta’ benefiċċji ġodda għall-ġenituri u għall-ħaddiema.

Bidliet se jidħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2022 bil-Gvern jiffinanzja l-miżuri kollha sal-2023, imbagħad mill-1 ta’ Jannar 2024, is-settur privat ikollu jibda jġorr parti minn dan il-piż.

L-għan ta’ din id-direttiva f’pajjiżna wara diversi konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell Ewropew fost oħrajn se ttejjeb l-aċċess għal-leave tal-familja u aktar arranġamenti għall-flessibilità fuq il-post tax-xogħol. Liġi li se tkun riflessa fil-kuntratti tax-xogħol u l-ftehim kollettivi li jsiru. Hekk kif illum il-ġurnata aktar u aktar nies fis-soċjetà jaħdmu filwaqt li l-ammont ta’ anzjani fil-komunità żdied, hekk ukoll riedu jiġġeddu l-liġijiet għal aktar bilanċ. Bilanċ li jrid jirrifletti f’dinja ġdida ta’ xogħol.

B’differenza minn kif aħna bħalissa, it-tieni ġenitur ġdid (fl-okkażjoni ta’ twelid jew adozzjoni) se jieħu 10 ijiem leave tal-paternità b’paga sħiħa, żieda minn jumejn.

Il-leave tal-ġenituri se jibda jinqasam f’xahrejn leave imħallas skont in-National Parental Leave Rate u xahrejn mhux imħallas minflok erba’ xhur bla ħlas, filwaqt li l-ġenituri ta’ tfal taħt it-tmien snin u l-carers (persuni li jieħdu ħsieb qraba morda) se jkunu jistgħu jitolbu li jaħdmu b’ħinijiet flessibbli. U l-carers se jkollhom dritt li jieħdu ħamest ijiem leave addizzjonali bla ħlas fis-sena.

Il-leave tal-ġenituri li se jkun mingħajr ħlas jista’ jkun trasferibbli minn ġenitur għall-ieħor, filwaqt li l-Gvern ħabbar ukoll illi l-leave tal-ġenituri mħallas se jkun jista’ jittieħed gradwalment fuq perjodu ta’ tmien snin. Fl-ewwel erba’ snin il-ġenituri jkunu jridu jieħdu 50% – jew erba’ ġimgħat ta’ dan il-leave – filwaqt li bejn ir-raba’ u s-sitt sena jkunu jridu jieħdu ġimagħtejn oħra. L-aħħar ġimagħtejn jistgħu jittieħdu bejn is-sitt u t-tmien sena mit-twelid tal-ulied.

Importanti li kemm il-ħaddiema kif ukoll min iħaddem ikunu jafu xi tgħid eżattament il-liġi biex ma jkunx hemm diskussjonijiet u abbużi. Hekk kif il-liġi tgħid li f’każ li tinqala’ tilwima bejn min iħaddem u l-impjegat, dawn jistgħu jressqu l-kwistjoni lid-Direttur Ġenerali tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Kull persuna li tikser jew tonqos milli tħares xi dispożizzjoni tkun ħatja ta’ reat u teħel multa massima ta’ €2,000.

Dan huwa biss il-bidu, issa li t-trade unions, fosthom il-GWU żgur se jargumentaw ma’ min iħaddem biex dan id-dritt jitjieb f’diversi ftehim kollettivi. Dan hu xogħol l-unjin, li qatt ma toqgħod f’dak li hu bażiku u taħdem biex tkompli ttejjeb dawn il-benefiċċji ġodda.

Sport