Friday, December 27, 2024

IL-KWISTJONI TAL-KIRJIET … FEJN WASALNA?

Aqra wkoll

Il-ħsieb li kulħadd ikun sid ta’ daru hija realtà li nistgħu ngħidu li hija kważi impossibbli li naslu għaliha jekk mhux impossibbli. Il-fatt li l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet reżiljenti quddiem sfidi kbar internazzjonali wassal biex dan jibqa’ attraenti għal investiment barrani li wassal biex f’pajjiżna jiżdied l-influss ta’ barranin li jagħżlu li jiġu f’pajjiżna għal perjodu twil ta’ żmien u oħrajn li saħansitra jirrilokaw hawn. Dan l-influss wassal għal domanda kbira fejn jidħlu kirjiet u ovvjament miegħu kien hemm ċaqliq fil-prezzijiet fejn minħabba domanda kbira, rajna u għadna qegħdin naraw żieda f’dawk li huma prezzijiet.

Din qiegħda tikkawża problema akbar għal dawk li qegħdin ifittxu l-ewwel residenza tagħhom minħabba li żieda fid-domanda għall-kiri wasslet biex tiżdied id-domanda għax-xiri tal-proprjetà u konsegwentament żieda fil-prezz tal-artijiet u l-bini. Iżda f’dan iċ-ċaqliq kollu huwa fatt li hemm stadju fejn dak li jkun ma jkunx f’pożizzjoni li jixtri u b’hekk ikollu jfittex li jikri, għallinqas sakemm ikun fi stadju li jissellef biex jixtri proprjetà.

Xhieda ta’ dan huma ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonfermaw li n-numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ propjetà li saru f’Diċembru tas-sena l-oħra ammontaw għal 1,003. Dawn iċ-ċifri juru tnaqqis ta’ 28.8% meta mqabbel ma’ dak li kien irreġistrat fl-istess xahar tas-sena 2022.

Il-ħidma fis-settur hija waħda li dejjem għaddejja. Fi żmien il-pandemija kellek sitwazzjoni fejn diversi persuni ċċaqilqu mill-kirjiet li kienu fihom biex isibu kirjiet b’irħas minħabba li d-domanda kienet naqset b’ammont konsiderevoli ta’ barranin kellhom jirritornaw pajjiżhom.

Aġenti li tkellmu magħna dwar dak iż-żmien qalu li bilkemm ma jgħidux li dawk il-prezzijiet kienu wasslu għal iktar xogħol minkejja li l-prezzijiet kienu li kienu. Din twassalna għal mistoqsija li tinsab fuq fomm ħafna nies … fejn se naslu? Nistgħu nibqgħu naċċettaw dawn iż-żidiet?

Minħabba tali problemi, ħafna huma dawk li qegħdin jagħżlu li jwaqqgħu djar u saħansitra vilel u jibdluhom fi blokok ta’ appartamenti. Dan qiegħed jitqies bħala investiment fejn is-sid jew sidien iżommu parti biss mill-binja u l-bqija tal-appartamenti jinkrew jew jinbiegħu biex permezz tagħhom ikopru l-ispejjeż tal-iżvilupp. Filwaqt li nemmnu li ċertu żvilupp jista’ jibqa’ sostenibbli u fl-istess ħin jagħmel tajjeb għal ċertu żieda fil-popolazzjoni, nemmnu li hemm bżonn iżjed serjetà fejn jidħol kontroll fuq dawn il-binjiet li qegħdin jitilgħu u kemm dawn verament joffru dinjità lil dawk li jgħixu fihom.

Ma hemmx għalfejn nerġgħu nsemmu d-diversi inċentivi tal-gvern biex jgħin lil diversi persuni minn faxex varji tas-soċjetà biex isiru sidien ta’ darhom. Mhux biss, il-gvern kommess ukoll li jkompli jiġġieled il-faqar. Dan ma ngħiduhx aħna imma statistika mogħtija mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali rigward mijiet ta’ appartamenti mikrija għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli skont l-eżiġenzi tal-persuni inkwistjoni.

Ekonomija

Sport