Friday, December 13, 2024

IL-LIBERTÀ TAL-ISTAMPA

Aqra wkoll

Personalment niddubita kemm il-libertà tal-istampa marret lura fl-aħħar snin, imqabbla ma’ kif kienet, ejja ngħidu ħamsa u għoxrin jew erbgħin sena ilu. Minn dejjem il-ġurnaliżmu f’pajjiżna kien jimxi taħt it-tikketta partiġġjana tal-partiti. Anke t-Times of Malta li tiftaħar b’kemm hi “indipendenti” ħarġet mill-ħawsla ta’ partit politiku li kien jappoġġja l-kolonjaliżmu Brittaniku f’pajjiżna.

Il-libertà li l-istampa dejjem kellha f’pajjiżna kienet li tkun partiġġjana; u forsi m’hemm xejn ħażin f’hekk. Kienet twassal il-“verità” tal-fatti skont kif tifhimhom. Ftit li xejn ġraw każi fejn din l-espressjoni sfat meqruda b’libelli jew sanzjonijiet oħra – għalkemm għadu jissemma bi kjass l-inċident fejn Godfrey Grima ttella’ quddiem il-Parlament dwar x’kien uppubblika. Dan nebbaħ ir-rumanz ta’ Oliver Friggieri “Fil-Parlament ma jikbrux Fjuri”.

Jidhirli li l-akbar periklu quddiem l-istampa llum mhuwiex dak tal-libertà imma tal-istess eżistenza tagħha. Dal-periklu aktar ġej mill-konsegwenzi ekonomiċi ta’ kif inbildet it-teknoloġija tal-kumnikazzjoni minħabba l-internet, milli minn xi attakk frontali politku fuq il-libertà tal-istampa. Ovvja madankollu li l-poter politiku jista’ jirkeb fuq il-bidliet ekonomiċi biex jagħmel pressjoni fuq l-istampa.

MONROE

Kien hemm żmien meta l-Istati Uniti kienu jipproklamaw bl-aktar mod ċar li jqisu l-interventi ta’ pajjiżi minn barra l-“ħemisfera tal-punent” fil-kwistjonijiet tal-pajjiżi fl-Amerika Ċentrali u “Latina” bħalha materja li tirrigwarda l-interess u s-sigurtà nazzjonali tagħhom. Hekk talanqas mit-tieni nofs tas-seklu 19 meta d-dutrina ġiet mistqarra bl-aktar mod apert mill-President Amerikan James Monroe.

Biż-żmien, l-Istati Uniti ma baqgħux jaffermaw fil-miftuħ dan il-prinċicpju imma baqgħu jipprattikawh: kif rajna anke b’invażjonijiet li wettqu meta l-politika interna ta’ dak jew dak il-pajjiż tbandlet lejn direzzjonijiet li xejn ma għoġbuhom.

Interessanti kif bħalissa fl-Est tal-Ewropa, ir-Russja qed tara kif tipprattika l-forma tagħha tal-Monroe Doctrine.

SUSSIDJARJETÀ

Kien hemm żmien meta fl-Unjoni Ewropea ssemma ħafna l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dak li jista’ jsir fuq livell aktar “baxx”minn wieħed federali, għandu jitħalla jsir f’dak l-livell. Fejn azzjoni biex tirnexxi tirrekjedi, ħidma usa, “federali”, hemm għandha tidħol l-Unjoni Ewropa.

Il-prinċipju sar wieħed mill-linji li bihkien jinqeda Jacques Delors, President ta’ ilu ħafna tal-Kummissjoni Ewropea. Kien isemmih ħafna hu u jħejji għal għaqda ċentrali akbar fl-Ewropa.

Fl-aħħar snin, kemm ili nattendi l-Parlament Ewropea kważi qatt ma smajt dal-prinċipju jissemma. Qisu ntesa. Min jaf għaliex?

  Veru li l-aktar problemi kbar li nqalgħu matul dawn is-snin kienu kollha ta’ natura “federali” – it-tmexxija taż-żona ewro, żgur proġett li ma jammetti l-ebda sussidjarjetà; l-immigrazzjoni; it-tniġġis tal-ambjent u t-tisħin tal-klima; it-tmexxija tal-internet; u issa s-saħħa.  

Ekonomija

Sport