Tuesday, April 23, 2024

IL-LIĊENZJA SE TWAQQAF IL-MENTALITÀ TAL-COWBOYS?

Aqra wkoll

Kulħadd għandu dritt jgħix f’dahru b’serħan il-moħħ jew joħroġ għall-ġurnata tax-xogħol tiegħu biex jaqla’ l-għajxien u jirritorna lura d-dar qawwi u sħiħ. Nemmnu dan mhux privileġġ, biss huwa fl-interess tal-ħaddiem u anke fl-interess taċ-ċittadin inġenerali għax fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jixtieq li jgħix seren minkejja diversi sfidi li jkollna naffaċċjaw ta’ kuljum.

L-inċidenti u l-fatalitajiet f’siti ta’ kostruzzjoni ma bdewx ilbieraħ iżda ilhom iseħħu minn kemm ilha teżisti l-industrija. Iżda llum minkejja li l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-avvanz teknoloġiku fil-makkinarju użat, xorta waħda għadna naraw inċidenti jseħħu. 

Il-mentalità ta’ cowboys li jaħsbu li jistgħu jidħlu fis-settur billi jixtru l-inġenji u jibdew iħaddmu persuni, anke abbażi ta’ cheap labour mhix xi ħaġa li bdiet ilbieraħ lanqas. Xi ħaġa li qatt ma indirizzat u qatt ma waslet biex tiddeċiedi dwarha l-Oppożizzjoni, minkejja perjodu daqstant twil fil-gvern kienet il-liċenzjar tal-kuntratturi. 

Nemmnu li r-regolamenti l-ġodda dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi kien pass floku u l-għan tiegħu huwa li jevita kemm jista’ jkun inċidenti fl-istess waqt li l-bini li jkun tiela’ jkun skont kif rikjest mil-liġi. 

Bħalma jsir dejjem, f’kull konsultazzjoni pubblika l-kontribut tal-pubbliku huwa meħtieġ daqs kemm hu meħtieġ il-kontribut ta’ dawk involuti fl-industrija.

Mingħajr tkaxkir tas-saqajn, il-Prim Ministru tkellem ukoll b’mod ċar dwar dan. Huwa saħaq li dawn ir-regolamenti se jkunu t-time out għal dan l-abbuż. Qal ukoll li minbarra l-multi għal min jiddeċiedi li jibqa’ ma jibdilx l-attitudni se jkun hemm fin-nofs ukoll sospenzjoni u anke revoka tal-liċenzja.

Għalhekk f’dan il-qafas kollu nistennew li kull min hu involut f’din l-industrija jikkopera u jiġbed ħabel wieħed biex kemm jista’ jkun l-industrija tibqa’ waħda sostenibbli fl-istess waqt li jiġu evitati ħafna mill-inċidenti li jseħħu fuq is-siti tal-kostruzzjoni.

Sport