Wednesday, July 24, 2024

Il-liġi l-ġdida tal-OHSA se titressaq fil-Parlament fil-jiem li ġejjin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar li l-Att il-ġdid tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) li kien jeħtieġ reviżjoni sħiħa ta’ liġi li ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar 20 sena, se jkun qiegħed jitressaq fil-Parlament fil-jiem li ġejjin. Dan l-Att il-ġdid se jkun qiegħed jintroduċi diversi elementi ġodda biex ikompli jiffoka mhux biss fuq l-entità imma anke fuq is-settur inġenerali. 

Permezz tal-liġi ġdida tal-OHSA, mhux biss se jissaħħu l-istrutturi organizzattivi tal-Awtorità bit-tisħiħ tal-Bord u l-Eżekuttiv, iżda se jintroduċu wkoll sistema ġdida ta’ penali, proċeduri ta’ kompromess, formulazzjoni ta’ tribunal ġdid tal-Awtorità u l-introduzzjoni ta’ uffiċjal ġdid responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà fi ħdan il-postijiet tax-xogħol.

“Il-liġi l-ġdida se tkun qed tħejji lil pajjiżna sabiex jaffaċċja mhux biss l-isfidi tal-lum imma anke taż-żmien li ġej,” qal il-Ministru Attard waqt li fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-OHSA għas-sena finanzjarja 2024. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard irrefera għal proġett li beda fl-aħħar jiem, fejn ġew ikkummissjonati l-esperti tal-EY biex jagħmlu analiżi bir-reqqa tal-entità, ir-riżorsi li għandha u l-iżvilupp rikjest “sabiex jintlaħqu l-miri li tpoġġew quddiemna”.

“Dan l-eżerċizzju qed isir għaliex nagħrfu kemm hu importanti li jkollna pjan li għandu jwassalna ghal-stategija nazzjonali fil-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol f’pajjiżna. 

“Fl-istess waqt, dan l-eżerċizzju għandu jgħinna wkoll biex ikunu identifikati n-neċessitajiet tal-Awtorità fil-preżent u fiż-żmien li ġej, biex nassiguraw li jkollna Awtorità preparata u sostnuta bir-riżorsi meħtieġa sabiex tilqa’ għal dawn l-isfidi u tibqa’ effettiva f’kull ċirkostanza,” tenna jgħid il-Ministru Attard.

Ekonomija

Sport