Wednesday, April 24, 2024

IL-LIĠIJIET U L-IMĦABBA … GĦANDEK DRITT TĦOBB LIL MIN TRID?

Aqra wkoll

Għandek min jgħid li f’dan il-pajjiż, it-traġedji huma t-tarġa neċessarja għas-soluzzjonijiet. Oħrajn mhumiex tal-fehma u jemmnu li minkejja diversi deċiżjonijiet li jittieħdu mhux faċli tevita milli jseħħu ċertu traġedji. Suġġett partikolari li ċertament jinsab fuq iż-żewġ uċuħ tal-munita huwa bla dubju l-vjolenza domestika.

Tant hu wiesgħa dan is-suġġett li lanqas taf fejn tibda u tispiċċa titkellem dwaru. Barra minn hekk sfortunatament għandek min jitkellem dwaru mill-perspettiva li jaqbel lilu u jinjora l-fatt li dan huwa suġġett daqstant delikat.

Nitkellmu dan b’esperjenza ta’ stejjer varji rakkontati ma’ dan is-sit minn persuni ta’ etajiet u ġeneri differenti. Għaliex ngħidu dan? Ħafna drabi nitkellmu ħafna dwar in-nisa bħala vittmi ta’ vjolenza domestika. Nemmnu li għalkemm huma inqas, il-każi ta’ rġiel li qegħdin isofru minn vjolenza domestika qegħdin iqarrqu biċ-ċifri li għandha s-soċjetà li qed ngħixu fiha.

Nistaqsu… jista’ jkun li hawn irġiel li qegħdin ibatu mill-vjolenza domestika minħabba raġunijiet li forsi ma jiġux ikkunsidrati bħalma huwa l-fatt li jistgħu jiġu rredikolati minħabba l-istess każi? Jista’ jkun hawn irġiel li lesti li jgħixu ħajjithom f’miżerja basta ma jiġux redikolati minħabba li huma pereżempju msawta min-nisa tagħhom? Is-soċjetà tal-lum m’għadhiex dik tal-mara d-dar żaqqha mal-cooker u taċċetta kull ħaġa li jgħid żewġha. Illum il-mara tista’ tkun daqs ir-raġel, jekk mhux iktar fuq diversi livelli fil-ħajja tagħha. Il-mara llum tista’ tkun iktar ta’ suċċess mir-raġel fil-karriera tagħha, imma tista’ tkun ukoll fiżikament iżjed b’saħħitha u attiva mir-raġel. M’aħna bl-ebda mod ninstigaw li l-istatistika tal-vjolenza domestika f’pajjiżna hija xi waħda li nistgħu ngħaffġuha u narmuha ’l hemm. Però tajjeb li s-soċjetà tirrifletti fuq dawn il-fatturi li ħafna drabi jiġu eliminati għalkollox.

Fl-aħħar snin pajjiżna għamel ukoll avvanzi kbar b’deċiżjonijiet rikonoxxuti fuq livelli internazzjonal fejn jidħlu persuni LGBTIQ+ u għalhekk tajjeb li ma ninsewx li hawn faxx ieħor ta’ persuni li jistgħu ikunu qed jitħallew imċajpra meta mqabbla mal-bqija tal-każi li normalment jitolbu għad-difiża tal-mara bħala l-vittma tal-vjolenza domestika.

Nemmnu li minkejja li għad hemm dawk li sfortunatament se jibqgħu jippuntaw is-swaba’ minħabba dak li seħħ fil-passat id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li se jkun qed jgħin persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika u jagħti l-appoġġ meħtieġ biex ikisser iċ-ċirku ta’ vjolenza hija pass meħtieġ u floku. Dan se jservi ta’ għodda ġdida biex persuni f’relazzjoni intima jistgħu jagħmlu applikazzjoni mal-pulizija fi ħdan il-Victim Support Agency biex jiċċekkjaw jekk is-sieħeb jew sieħba tagħhom instabux ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat.

Nemmnu li l-iktar parti importanti minn din il-wegħda elettorali hija li fi żmien għaxart ijiem se tkun qed  tingħata risposta, u jekk ikun meħtieġ, tinħareġ twissija tar-riskju ta’ vjolenza domestika. Nemmnu li saħansitra dan il-perjodu għandu fejn jiqsar biex jonqos ir-riskju. Naqblu wkoll mal-fatt li s-sistema se turi biss persuni li nstabu ħatja, u mhux allegazzjonijiet jew każijiet li għadhom pendenti quddiem il-qorti. Hawnhekk madankollu mhux eskluż li minħabba tlajjar fil-proċessi tal-qorti jista’ jkollok persuni li jkunu f’riskju serju sakemm tinqatgħa s-sentenza.

Minkejja din l-għodda, żgur mhux forsi se ssib dawk il-persuni għomja fl-imħabba meqjusa tal-ħolm tagħhom li tant ikunu mitlufin wara s-sieħeb jew sieħba tagħhom li għalihom dan is-servizz jista’ jitqies bħala ħela ta’ riżorsi. L-imħabba jaf ikollha l-wiċċ moħbi tagħha wkoll u minkejja li persuna tista’ turik in-naħa li ssaħħrek għal warajha, ma jfissirx li mhux tajjeb li dan is-servizz jintuża bħala prekawzjoni. Se jkollok oħrajn li minkejja li jiġu mwissija li huma f’riskju, se jibqgħu jgħaddsu rashom f’relazzjoni ta’ tbatijiet fuq diversi livelli. Mhux il-kompitu tagħna li nbeżżgħu b’dan is-servizz, iżda nemmnu li jista’ jservi ta’ prekawzjoni għal inqas riskju. Min-naħa l-oħra, dawk li żbaljaw fil-passat u nstabu ħatja għandhom jingħataw ċans ieħor?

Dan kollu jikkonferma dak li qal il-Ministru Byron Camilleri fid-diskussjoni meta qal li tagħmel kemm tagħmel riformi f’ċertu oqsma qatt mhu se jkun biżżejjed.

Sport