Tuesday, April 23, 2024

LEALTAJIET NAZZJONALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Fil-kors tat-tmexxija Ewropea, nisimgħu ħafna stqarrijiet sbieħ dwar il-valuri Ewropej u l-importanza tal-viżjoni li żżomm l-għaqda Ewropea fiċ-ċentru ta’ kull ħidma. L-istqarrijiet isiru bil-ħerqa ta’ min jistenna li f’kull waqt insegwu l-linja li tpoġġi l-“interess” Ewropew fuq quddiem nett.

Fost dawk li jagħmluhom, ta’ spiss insibu l-mexxejja ta’ Franza u tal-Ġermanja. Fir-realtà imma, dawn l-istess nies imbagħad, meta jsibuh opportun, tarahom l-aktar malajr u bl-akbar qawwa jagħmlu minn kollox biex iħarsu l-interess nazzjonali tagħhom meta dan jaħbat se jikkozza ma’ miri Ewropej.

Franza tpoġġi bħala pern tal-għaqda Ewropea t-tmexxija taż-żona tal-ewro. Imma qed tikser bl-aktar mod flagranti r-regola tal-ewro dwar kif id-dejn nazzjonali jrid jitrażżan. Effettivament, id-dejn nazzjonali tagħha hu fost l-akbar taż-żona u dejjem tiela’.

Interess vitali tal-Ġermanja hu fil-produzzjoni tal-karozzi. Minkejja li kien intlaħaq ftehim bejn kulħadd dwar kif il-karozzi tad-diesel għandhom jitneħħew għal kollox, il-gvern Ġermaniż inqala’ mill-ftehim sakemm esiġenzi ġodda tiegħu f’das-settur jintlaqgħu.

TAQLIB FINANZJARJU

Sa ftit taż-żmien ilu, il-Bank Ċentrali Ewropew kien qed jisħaq li hemm bżonn li l-għoli fil-prezzijiet jitla’ talanqas qrib it-2 fil-mija fis-sena, għax jekk le, l-ekonomiji se jibqgħu staġnati.

Illum l-għoli tal-prezzijiet qisu ħarab minn kull kontroll u l-Bank qed ikollu jara kif se jrażżan mhux irewwaħ l-inflazzjoni. Bil-mezzi li għandu f’idejh, li jrid jagħmel hu li jgħolli l-imgħaxijiet fuq self biex b’hekk, l-impriżi u n-nies jikkonsmaw anqas ħalli l-prezzijiet jiddgħajfu.

B’imgħaxxijiet għolja iżda, il-valur tas-self li jġorru l-banek, jonqos. Jekk ikollhom ibigħu ċ-ċedoli ta’ das-self, idaħħlu (ħafna) anqas flus milli ħarġu għalihom. Meta jiġri hekk, min poġġa flusu fil-banek jibda jara kif se jiġbidhom lura. Il-banek (uħud minnhom) jistgħu jsibu li m’għandhomx biżżejjed kapital “likwidu” biex ilaħħqu mat-talba ħalli jroddu l-flejjes miżmuma għandhom.

RELIĠJON

La naqbel ma’ dawk li jridu li r-reliġjon tingħata apprezzament dominanti fis-soċjetà tagħna u lanqas ma dawk li jridu jbarruha minn kwalunkwe rwol ta’ influwenza soċjali. Id-dibattiti (jekk tista’ ssejħilhom hekk) dwar l-abort u anqas minn hekk, l-ewtanasja, jagħtu xhieda ta’ kif il-valuri maħluqa minn ethos reliġjuż għadhom jikkostitwixxu l-bażi tat-twemmin politiku ta’ ħafna nies.

Sadattant, għalkemm niddikjaraw li l-prinċipji ta’ tmexxija tal-istat Malti huma sekulari, l-influwenza tar-reliġjon fost ħafna saffi tas-soċjetà għadha qawwija anke jekk naqqset ħafna fuq x’kienet fl-imgħoddi.

Ħaġa kurjuża kif ftit li xejn isir diskors ta’ x’għandu jkun il-post tar-reliġjon (u tal-istituzzjonijiet li jmexxuha) fi ħdan il-pajjiż, li fl-istess ħin, rabba wkoll jekk ma tridx, xejra multikulturali.

Sport