Monday, December 23, 2024

Il-Lijani jfakkru 40 sena minn unur internazzjonali miksub f’Monaco

Aqra wkoll

Anniversarju li ma jistax ikun imfakkar kif mixtieq

Ir-raħal żgħir ta’ Ħal Lija, sa mill-qedem kien meqjus bħala pijunier fejn jidħol ix-xogħol pirotekniku li jinħadem fil-Kamra tan-Nar San Mikiel, primarjament għall-Festa tas-Salvatur li kull sena tkun iċċelebrata bħal lum is-6 ta’ Awwissu.

Fis-snin sebgħin, ammiraturi tal-piroteknika Franċiżi, kienu żaru il-Festa tas-Salvatur f’Ħal Lija sabiex jaraw x’kapaċi jagħmlu il-Maltin fejn tidħol din l-arti. Huma issaħħru bil-kapaċitajiet tal-Lijani, u avviċinaw lill-mibki Joseph Portelli f’isem l-istess Kamra tan-Nar jekk jitħajrux jikkompetu f’Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li jsir ġewwa Monaco għas-sena 1980.

Wara li laqqa lill-membri u voluntiera kollha f’dan l-istess kumpless, huma qablu li jitilgħu jikkompetu għall-dan il-festival, minkejja numru ta’ sfidi u diffikultajiet kbar li setgħu jiltaqgħu magħhom. L-akbar sfida, kienet proprju id-data tal-ħruq, għaliex din kienet ftit jiem wara il-Festa tas-Salvatur. 

Ingħatat id-data tad-9 ta’ Awwissu, iżda peress li kienet eżattament tlett ijiem wara il-festa, tkellmu mal-organizzatrui biex tinbidel id-data tal-ħruq, għall-aħħar jum tal-festival, jiġifieri fit-12 ta’ Awwissu.

Hekk kif spiċċat il-Festa ta’ dik is-sena, beda x-xogħol ta’ trasport tal-logħob tan-nar kollu inkluż il-kanen u dak kollu relatat. Minkejja x-xogħol tan-nar li nħadem għall-din il-kompetizzjoni, il-Kamra tan-Nar San Mikiel ma ħallietx il-festa nieqsa mill-murtali li ssoltu jinħarqu, u fl-istess waqt ħadmet ukoll l-istess xogħol għall-festi oħra li tkun ikkummissjonata biex tagħmel, sabiex tkun tista’ tiffinanzja il-Festa.

Il-ħarqa tal-Maltin, kienet tikkonsisti f’murtali tradizzjonali Maltin tal-beraq u kulur, b’kaxxa nfernali, fjammi u jumru ta’ effetti oħra li nħarqu kollha bl-idejn, għal kuntrarju ta’ kompetituri oħra barranin li kienu diġa jużaw sistemi kompjuterizzati biex jaħarqu n-nar.

Waqt li normalment, ir-riżultat ta’ dan il-festival kien jitħabbar madwar ġimgħa wara li jintemm, dik is-sena kienet saret eċċezzjoni għaliex ftit minuti wara li ntemmu l-ispettakli kollha, il-ġurija mingħajr tlaqlieq ippublikaw ir-riżultat finali li l-Kamra tan-Nar ta’ San Mikiel kienu rebħu dan il-festival. 

Fost dillierju ta’ ferħ minn dawk preżenti ġewwa l-Belt Franċiża ta’ Monaco, ma damux wisq ma nesew it-tbatija kollha li iltaqgħu magħha sabiex dan seta iseħħ. Dan ma kienx unur biss għall-Ħal Lija, iżda għall-Malta kollha.

M’għandniex xi ngħidu, ġurnali Maltin irrappurtaw bi prominenza din l-aħbar, hekk kif din il-kamra tan-nar, saret l-ewwel kamra fuq bażi volontarja li rebħet Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar u l-ewwel kamra fuq bażi volontarja li esebiet ix-xogħol tagħha barra l-pajjiż. Il-pirotekniċi Lijani, intlaqgħu fost dillierju ta’ ferħ fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, b’ċelebrazzjonijiet kbar li komplew fir-raħal ta’ Ħal Lija.

Sabiex ikun imfakkar dan l-avveniment storiku, li għolla isem ir-raħal ta’ Ħal Lija, l-Għaqda tan-Nar San Mikiel ippublikat dan id-dokumentarju b’numru ta’ intervisti ma’ pirotekiċi li jiftakru din l-esperjenza indimentikabbli. Ara hawn.

Waqt li f’moħħ il-Lijani kien hemm pjanati ċelebrazzjonijiet kbar sabiex ifakkru dan l-anniversarju, ir-restrizjonijiet imposti lokalment minħabba il-pandemija mondjali, ċaħdithom milli jagħmlu dan bil-kbir. Għaldaqstant, illejla għall-ħabta tad-8.45pm, il-Kamra tan-Nar San Mikiel ta’ Ħal Lija ser tkun qed tippreżenta programm ta’ nar tradizzjonali, proprju fil-Jum tal-Festa Liturġika ta’ Kristu Salvatur.

Ekonomija

Sport