El Mushraty magħruf bħala “l-Lilu King” flimkien ma’ żewġt irġiel oħrta tressqu l-Qorti wara li kienu arrestati fl-24 ta’ Mejju filgħaxija. L-ewwel raġel kien akkużat b’evażjoni ta’ taxxa filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu akkużati bi traffikar ta’ droga.
L-ewwel li tressaq kien Hamza Gorai ta’ 27 sena mill-Marokk iżda residenti San Ġiljan. Huwa kien mixli li fl-24 ta’ Mejju 2023 u x-xhur ta’ qabel kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Huwa kien mixli wkoll li kien fil-pussess tad-droga ecstasy u li ppromwova, ikkostitwixxa, organizza jew iffinanzja għaqda ta’ żewġ persuni jew aktar bil-ħsieb li jagħmlu reat kriminali, filwaqt li allegatament ipparteċipa fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda.
L-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjega li fl-aħħar xhur il-pulizija kienu qed isegwu l-moviment ta’ diversi persuni b’rabta ma’ kriminalità organizzata fuq traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.
Qal li l-investigazzjonijiet wasslu għal residenza f’San Ġiljan li minnha deher li kien hemm attività kemm billejl kif ukoll binhar. Dehru wkoll persuni deħlin u ħerġin minn din ir-residenza.
Intqal ukoll li jumejn ilu, il-Pulizija wettqet rejd f’din ir-residenza fejn instabet id-droga kannabis, kokaina u MDMA.
Mistoqsi mid-difiża sabiex jikkwantifika kemm kienu l-ammonti ta’ droga misjuba, l-Ispettur wieġeb li kien hemm 300 gramma kannabis, 10 grammi ta’ sustanza bajda suspettata kokaina u 10 grammi MDMA.
Wara li l-Qorti ddeċidiet li l-arrest kien wieħed validu, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li n-natura tal-akkużi jinkludu allegata kriminalità organizzata, li għad hemm diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li persuni oħra possibilment se jkunu arrestati fil-jiem li ġejjin.
“Minn aktar investigazzjoni rriżulta li l-imputat m’għandu l-ebda rabtiet ma’ Malta, ma jaħdimx u lanqas għandu indirizz fiss. Kien għalhekk li kien qed jgħix f’dik ir-residenza fejn kien qed jgħix ma’ sħabu hemm,” qal l-Ispettur Mercieca.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi u l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.
Kwistjoni dwar il-validità tat-48 siegħa arrest…
Fil-Qorti qamet kwistjoni mressqa mid-difiża dwar jekk il-prosekuzzjoni għadhiex fil-ħin eleġibbli biex tressaq l-imputati.
Kien l-Avukat Franco Debono li talab biex ikun jaf il-ħin eżatt meta ġew arrestati tnejn mit-tliet akkużati. Dan minħabba li l-ħin tat-48 siegħa arrest kien wasal biex jintemm.
Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni sostniet li kien għadha fil-ħin u dan wassal biex id-difiża min-naħa talbet prova mill-bodycam sabiex jiġi stabbilit eżattament il-ħin tal-arrest, minħabba l-fatt li jekk inqabżu t-48 siegħa, l-arrest kien jiġi ddikjarat invalidu. Il-Qorti ssospendiet is-smigħ għal ftit ħin sakemm iddeċidiet li tiċħad it-talba għal aktar provi u tgħid li l-arrest kien wieħed skont il-liġi u għalhekk ikkonvalidatu.
Sadanittant tressaq Muhamed Ali Al Musrati ta’ 37 sena mil-Libja li ġie akkużat bi traffikar ta’ droga kokaina u kannabis kif ukoll b’assoċjazzjoni ma’ gruppi kriminali. Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel ġie arrestat fl-istess dar, bir-raġel instab jipprova jaqbeż f’residenza oħra.
Filwaqt li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu, Musrati għażel li ma jweġibx fejn jaħdem. L-Avukat Franco Debono qal li ma kienx se jkun qiegħed jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest invista tat-talba li għamel qabel liema talba ma ġietx aċċettata u għalhekk Musrati nżamm arrestat.
Il-Lilu mhux akkużat bi traffikar … iżda b’evażjoni ta’ taxxa
Mohamed El Musrati, ta’ 31 sena mil-Libja ġie akkużat b’ħasil ta’ flus. Dwar l-arrest tiegħu, intqal kif ir-raġel jgħix ħajja lussuża. Intqal ukoll li hu kellu fil-pussess tiegħu għadd kbir ta’ flus kontanti u ġojjellerija meta ġie arrestat. Fl-appartament tiegħu nstabu wkoll bosta affarjiet u ħwejjeġ tad-ditta.
Id-difiża rrimarkat li hu mhux qed jiġi akkużat bi traffikar tad-droga, minkejja li l-investigazzjoni kienet waħda dwar droga. Il-prosekuzzjoni min-naħa tagħha qalet li minkejja li l-akkużat għandu bosta flus kontanti, m’hemm ebda rekord tiegħu dwar ħlas ta’ taxxi. Kien għalhekk li ntqal li hu kien qed jiġi akkużat b’evazzjoni ta’ taxxa. Il-prosekutur ewlieni fil-każ qal illi r-raġel fil-passat qatt ma kellu akkużi relatati mad-droga.
Kwistjoni oħra qamet minħabba li l-prosekuzzjoni qalet li kien irrelevanti tindika liema vetturi ntużaw biex sar il-ħasil ta’ flus mill-akkużat, bid-difiża tgħid li kien hemm bżonn li dawn id-dettalji jingħataw sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontestati id-dettalji. Wara ftit intlaħaq qbil li l-ebda vettura msemmija mill-prosekuzzjoni ma kienet reġistrata fuq l-akkużat.
Min-naħa tiegħu Mohamed El Musrati wieġeb mhux ħati għall-akkużi u filwaqt li qal li jaħdem għal rasu żied jgħid li għandu żewġ postijiet fejn jgħix.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi, minħabba l-mezzi tal-akkużat, kif ukoll minħabba l-biża’ li jwettaq reat ieħor.
Id-difiża qalet li l-punti mqajma mill-prosekuzzjoni mhumiex b’saħħithom biżżejed. Intqal li r-raġel għandu rabta ma’ Malta tant illi ilu 9 snin f’Malta.
Wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Alfredo Mangion.
Id-Difiża tmexxiet mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb.