Wednesday, April 24, 2024

“L-ispeed cameras mhux se jsolvu l-problemi kollha … l-agħar żball li nippolitiċizzaw il-kwistjoni”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Tagħmel kemm tagħmel miżuri, jekk ma jkollokx ir-responsabbiltà tas-sewwieq, kull tentattiv ifalli”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti aktar kmieni.

Filwaqt li għal darba oħra esprima l-kondoljanzi sinċieri tiegħu mal-qraba ta’ Kacey Sciberras, Dr Abela qal l-agħar żball li jista’ jsir huwa li wieħed jippolitiċizza din il-kwistjoni li hija waħda nazzjonali. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-bżonn ta’ diskussjonijiet b’rabta ma’ realtajiet ġodda u li wara li numru ta’ snin ilu ġew introdotti l-breathalyzer tests li jkejlu l-livelli tal-alkoħol, staqsa jekk wasalx iż-żmien li jiġu introdotti testijiet għad-droga wkoll.

Il-Prim Ministru saħaq li l-ispeed cameras mhux se jsolvu l-problemi kollha minkejja li hija waħda mill-għodod li għandu l-istat biex jikkontrolla s-sigurtà fit-toroq tagħna. Madanakollu huwa ma eskludiex l-introduzzjoni ta’ speed cameras ġodda madwar il-pajjiż.

Fakkar fiż-żieda fil-pieni li ġew aġġornati fl-aħħar jiem b’mod speċjali dawk relatati mal-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan li turi l-impenn tal-gvern li jinforza wkoll biex ikompli jiminimizza dawn l-inċidenti li sfortunatament mhumiex eċċezzjoni f’pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li dawn l-inċidenti sfortunatament iseħħu mhux biss f’pajjiżna u jkollok persuni li jindarbu fuq livelli varji u jkollok saħansitra fatalitajiet. Sostna li l-mira hija diskussjoni aktar wiesgħa biex ikollna mhux biss aktar investiment ifrastrutturali imma li dan jipprovdi aktar sigurtà biex kemm jista’ jkun fil-futur jiġu evitati ċertu inċidenti.

Sport