Saturday, May 4, 2024

Il-lista ta’ stennija għall-‘housing’ fl-inqas livell f’20 sena

Aqra wkoll

In-numru ta’ persuni li qed jitolbu lill-Awtorita tad-Djar issibilhom post fejn joqgħod niżlet għall-inqas livelli fl-aħħar 20 sena bin-numru attwali jkun ta’ 2,602.

Dan id-dettall ħareġ waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes għamel fis-sit f’Birkirkara fejn qed tinbena blokka ta’ appartamenti għal dawk fi bżonn u li għaliha kien preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tad-Djar Leonid McKay.

Galdes spjega kif minkejja s-sitwazzjoni ikkaġunata mill-coronavirus ix-xogħol fuq siti bħal dawn baqa’ għaddej għalkemm il-ħaddiema qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji.

Huwa iddeskriva x-xogħol f’Birkirkara, fejn qed jinbnew 73 appartament u 55 garaxx fuq medda ta’ 2,700 metru kwadru, bħala wieħed li għaddej b’ritmu tajjeb tant li daqt jibda l-‘finishing’ fuq l-ewwel appartamenti.

Galdes sostna li minkejja l-imxija l-Awtorita tad-Djar mhux biss baqgħet għaddejja bix-xogħol fuq is-siti li qed tibni imma anke kompliet bl-iskemi biex tgħin lil dawk li għandhom diffikulta jsibu post affordabbli.

Huwa fakkar li l-Gvern qed jibni mal-1,700 unit ġdid u saħaq li dawn se jsaħħu l-‘stock’ ta’ djar li għandha l-Awtorita tad-Djar biex tilħaq il-mira tagħha u tal-Gvern li jkun hawn ‘housing’ soċjali u affordabbli fil-pajjiż.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tad-Djar sostna li l-Gvern mhux biss qed jieħu rwol attiv fil-qasam tal-‘housing’ billi jibni biss postijiet ġodda imma anke b’miżuri oħra fosthom ir-regolarizzazzjoni tas-suq tal-kera.

McKay insista li jkollok dar mhix komodita imma dritt u semma kif bix-xogħol li qed isir qed jindirizzaw il-lista ta’ stennija tant li din niżlet għal 2,602 persuna.

Waqt li semma kif minbarra l-bini l-Awtorita tad-Djar għandha diversi skemi biex tgħin nies fil-bżonn, McKay enfasizza li l-‘stock’ il-ġdid ta’ bini se jmur verament għal dawk li ġenwinament għandhom bżonn post alternattiv.

Sport