Il-litteriżmu huwa meqjus bħala pilastru ċentrali għall-iżvilupp soċjali, edukattiv u personali tal-individwu. Il-litteriżmu ma jikkonsistix biss fil-kapaċità li persuna tkun taqra u tikteb. Huwa aktar minn hekk.
Huwa għodda ewlenija li tinfed l-immaġinazzjoni, tespandi l-għarfien u tagħti l-opportunità lil kull individwu sabiex jitnexxi. Sabiex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu fis-soċjetà li qed dejjem titrasforma ruħha. F’dan il-kuntest, ftit tal-jiem ilu tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu.
Jum bħal dan jissinjifika mument importanti biex wieħed japprezza kemm il-qari u l-kitba u l-għarfien tal-lingwi huma fost il-pedamenti essenzjali għal soċjetà li trid tkompli timxi ’l quddiem. Iżda fuq kollox, huwa jum li jfakkarna li wara kull kelma li t-tfal jitgħallmu jaqraw u jiktbu hemm opportunità ġdida li qed tinħoloq għalihom.
Fl-isfond ta dan, qed naraw li l-Gvern qed ikompli jagħti importanza importanza xierqa u tanġibbli lill-edukazzjoni billi qed ikompli jinvesti b’mod qawwi biex l-ebda student ma jitħalla lura. Dan mhux biss kliem, iżda qed ifissru impenn li qed jissarraf f’riżorsi, programmi, inizjattivi u għajnuna diretta li qed jaslu għand l-istudenti, il-familji u l-iskejjel.
Il-politika tal-Gvern fil-qasam edukattiv għandha fil-qalba tagħha l-prinċipju li kull tifel u tifla għandu jkollu ċ-ċans li jimxi ‘l quddiem irrispettivament mil-livell soċjali li ġej minnu jew mid-diffikultajiet li jista’ jkun qed jaffaċċja.
Għalhekk, l-investiment fil-litteriżmu huwa tant importanti, għaliex il-ħiliet fil-kitba u l-qari huma l-bażi li fuqha jinbnew il-ħiliet l-oħra kollha.
Ta nota partikolarment importanti hija l-għajnuna mogħtija lill-istudenti bi bżonnijiet speċjali. Il-Gvern, permezz ta’ miżuri mmirati u appoġġ lill-iskejjel, qed jgħin konsistentement biex dawk l-istudenti li għandhom bżonn attenzjoni aktar minn ħaddieħor, jingħataw l-għodod meħtieġa minnhom biex ikomplu javvanzaw. Din hija politika ta’ nkoraġġiment, li tpoġġi lill-istudent fil-qalba tat-tagħlim għax temmen li ħadd m’għandu jiġi mwarrab u mitluq f’xi rokna.
Pajjiż li jinvesti fil-litteriżmu, ikun qed jinvesti fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Kull ktieb li jinqara, kull kelma li tinkiteb u kull student li jingħata l-għajnuna biex jegħleb diffikultà hija rebħa għall-edukazzjoni u għall-pajjiż kollu.
Għalhekk, fil-Jum Dinji tal-Litteriżmu ta’ kull sena mhux biss għandna nkomplu nfakkru l-importanza tal-qari u l-kitba, iżda nirrikonoxxu wkoll il-ħidma li qed issir minn ħafa, gvern, letturi, għalliema u familja biex is-settur edukattiv f’pajjiżna ikompli jsaħħaħ. Investiment akbar fl-edukazzjoni jfisser aktar opportunitajiet, aktar ugwaljanza u futur aħjar għal uliedna.
Dan huwa l-investiment li jagħmel differenza: Gvern li mhux sempliċement jitkellem dwar il-futur tat-tfal, iżda jemmen u għalhekk qed jinvesti fih illum għal għada.

