Friday, April 19, 2024

“Il-livell tal-atletika f’Malta sploda … qed nimmira li din id-darba nġib id-Deheb”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-livell tal-atletika f’Malta sploda. Dan hu grazzi għal investiment kbir li sar f’dan l-isport u għall-appoġġ li għandna mill-klabbs. Illum jeżistu ħafna opportunitajiet għalina f’taħriġ u kompetizzjonijiet barra minn Malta.  Il-mira tiegħi fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar hi li din id-darba inġib il-midlja tad-deheb.”

Jiddikjara dan Ian Paul Grech, atleta mal-klabb ta’ Pembroke Athleta, u li  jikkompeti fid-dixxiplina tal-Long Jump u t-Triple Jump.

Sibna lil Ian jitħarreġ filgħodu fil-Marsa, minkejja temp xejn sabiħ u bix-xita traxxax. Dwar il-bidu tiegħu f’din id-dixxiplina sportiva, Ian jgħid li “Kont għadni żgħir u ħafna meta bdejt. Kelli il-kuġini kienu jitħarrġu fl-atletika u ta’ ħames snin ommi daħħlitni magħhom. Bdejt bil-fun run, long distance u imbagħad komplejt fuq dixxiplini. Jien bqajt nitħarreġ waqt li l-kuġini waqfu. Nispeċjalizza fil-Long Jump u fit-Triple Jump. Ilni nispeċjalizza fihom sa minn meta kelli 16 il-sena. Ilni 14-il sena nitħarreġ fihom. Metą kont żgħir kont ippruvajt ħafna dixxiplini.  Imbagħad ħassejtni li l-aħjar għalija  huma l-‘jumps’. Kien għalhekk li intfajt fuq il-Long Jump, Triple Jump u l-High Jump.  Illum mill-High Jump waqaft”.

Ħasra li nitilfu tfal tajbin fl-atletika minħabba l-eżamijiet

Mistoqsi dwar il-konkorrenza fl-atletika, Ian jgħidilna li “meta nibdew minn livelli minn għaxar snin sa erbatax-il sena ngħid li hawn ħafna konkorrenza. Però sfortunatament meta jibdew l-eżamijiet tal-O Levels tara id-‘drop outs’. Jieqfu għall-eżamijiet u ma jkomplux. B’dan nitilfu  tfal tajbin u li jkunu jippromettu. Dawn ikunu t-tfal li jkunu anke siefru u tħarrġu barra minn pajjiżna.  Minkejja li hawn il-konkorrenza din imma m’hix biżżejjed.  Ngħid li forsi hawn bżonn aktar inċentivi għaż-żghar bħal training camps. Nemmen li għandu jinħoloq team nazzjonali taż-żgħar  fejn dawn  jibdew jiltaqgħu aktar bejniethom u jsiefru. Meta se ssiefer u tara faċilitajiet ġodda, jiġik il-kuraġġ u aktar motivazzjon biex tirsisti bil-għan li tkompli ġġib riżultati aħjar.” 

M’hemmx età meta tieqaf … jiddependi minnek

Metą tistaqsieh dwar l-età ta’ meta atleta jirtira mill-atletika, Ian jgħid li “m’hemmx età meta inti tirtira. Jiddependi minnek kemm inti lest li tkompli. F’Malta l-atleta mhix il-professjoni tagħna. Ġieli jkun hemm min ikollu jieqaf minħabba it-tfal. Jiddependi minne komm għandek ħin biex titħarreġ u x’dedikazzjoni għandek”.

“Jien nitħarreġ kuljum minn Settembru sa l-aħħar ta’ Lulju. Ħruġ xejn. Trid toqgħod attent x’tiekol. Jekk tkun ġejja kompetizzjoni trid tara li torqod kmieni biex tieħu l-mistrieħ tiegħek.  Jekk trid timmira għal ħinijiet u riżultati tajbin, trid tmur taħriġ u kompetizzjonijiet barra minn Malta.”

L-EAP organizzat minn Pembroke Athleta joffrielna opportunitajiet kbar

Quddiem is-sagrifiċċji li jagħmlu dawn l-atleti, ma tistax ma tistaqsix dwar l-appoġġ li jsibu. Ian jiddikjara b’md ċar li “għajnuna għandna. Hemm Sports Malta, il-Kumitat Olimpiku u Athletics Malta li jgħinu. Hemm għajnuna kbira mill-klabb tagħna ta’ Pembroke Athleta.  Il-klabba tagħna ingħaqad fl-EAP Circuit. Dan hu circuit madwar l-Ewropa fejn diversi pajjiżi u klabbs jgħinu lil xulxin biex atleti minn Pembroke Athleta imorru għandhom u jibbenefikaw billi ma jħallsux tat-titjiriet, l-ikel ikun bla ħlas, filmkien mal-fatt li jkollhom esperjenzi ma’ atleti barranin – xi ħaġa li tgħin ħafna biex ittejjeb il-livell tiegħek.  Din is-sena per eżempju ġejjin madwar 100 atleta u dawn xi wħud minnhom ġejjin hawn qabel kompetizzjoni importanti. Minbarra dawn l-opportunitajiet il-Klabb taghna  jaghmlilna gahd-dispozizzjoni taghna ghadd ta beneficcji ohra..

“Il-mira tiegħi hi li din id-darba inġib il-midalja tad-deheb”

L-attenzjoni ta’ Ian bħalissa hi l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. “Din hi t-tielet edizzjoni. Fl-ewwel edizzjoni ġibt il-Bronz fit-Triple Jump. Fit-tieni edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ħadt sehem fiha dik tal-Montenegro, ġibt il-Bronz fil-Long Jump u l-midalja tal-Fidda fit-Triple Jump. Din is-sena qegħdin nikkompetu f’pajjiżna stess u l-mira tiegħi hi li nġib id-deheb. Mhix se tkun faċli. Qed naħdem kemm nista’ biex inġib dak ir-riżultat.”

“Il-livell tal-atletika f’Malta sploda”

Lil Ian ma stajtx ma nistaqsiehx dwar il-livell tal-atletika f’pajjiżna. Forsi hawn perċezzjoni li f’atletika pajjiżna ma jaċċellax. Jgħidilna li “nista’ ngħidlek li l-livell tal-atletika sploda. Dan grazzi kemm għat-tim tekniku u grazzi ukoll għall-investiment li sar fl-atletika. Dan l-investiment issa qed juri r-riżultati. Sar investiment kbir f’taħriġ barra minn Malta u biex l-atleti jikkompetu barra pajjiżna. L-isports joffrilek ħafna sodisfazzjon. L-isports inġenerali  se jgħinek tibni personalità. Jgħinek tqassam il-ħin. Jgħinek tkun motivat u ddaħħal miri f’ħajtek. Meta tkun qed titħarreġ, bla ma trid se toħroġ inqas u se tara li tiekol tajjeb. L-isport itik motivazzjoni kbira apparti l-benefiċċji għas-saħħa.”

Sport