Il-livell tal-Karnival ta’ Malta kulma jmur qiegħed dejjem jogħla. Dan huwa rifless fil-fatt li din is-sena l-karrijiet li se jieħdu sehem fil-Karnival se jkunu xi ħaġa straordinarja.

Id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil ta ħafna dettalji dwar dak li hemm maħsub għall-Karnival ta’ din is-sena f’intervista li saritlu minn L-Orizzont. Huwa enfasizza li ż-żgħażagħ għadhom miġbudin lejn il-Karnival u bi skop li jwettqu l-ħolm artistiku tagħhom. B’dan il-mod, il-Karnival qed ikompli jikber minn sena għall-oħra, li hi indikazzjoni jekk mhux ukoll garanzija li l-Karnival ta Malta għandu ħajja twila quddiemu.
Dwar il-preparamenti u l-loġistika, Busuttil qal li dan jirrikjedi ħafna xogħol billi ħafna mill-imħażen fejn jinħadmu l-karrijiet huma mferrxin madwar il-pajjiż. Qal li dan jirrekjedi l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni mal-awtoritajiet konċernati sabiex dawn il-karrijiet jitwasslu fil-Belt Valletta għall-isfilata.

Busuttil qal ukoll li l-Karnival ġie mifrux fuq żewġ weekends, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ittellgħu attivitajiet f’xi lokalitajiet fosthom il-Ħamrun. Matul din il-ġimgħa wkoll, diversi lokalitajiet li bbenefikaw mill-fondi tal-Gvern se jkunu qed jorganizzaw il-Karnival rispettiv tagħhom.
L-attivitajiet ewlenin imbagħad jilħqu l-qofol tagħhom bejn it-13 u s-17 ta’ Frar fil-Belt Valletta. Busuttil qal li b’kollox fil-Karnival se jkun hemm aktar minn 22 karru, ir-Re tal-Karnival u erba’ kategoriji ta’ żfin li jibdew minn tfal u jibqgħu tilgħin sa kbar. “Hemm tara l-karnival ‘in full swing’ b’dak li huma kompetizzjonijiet u sfilati”.
Busuttil tkellem ukoll dwar l-importanza tal-volontarjat fejn sostna li l-ħidma tad-dilettanti tirrikjedi ħafna dedikazzjoni u anke sagrifiċċju. “Dawn in-nies qed jagħmlu mirakli kbar. Il-livell qiegħed dejjem jikber u ż-żgħażagħ dejjem qed jimpenjaw ruħhom”.

Min-naħa l-oħra, huwa nnota li l-pubbliku dejjem jikkonkorri għall-Karnival. “Nieħdu pjaċir meta n-nies jikkonkorru u jipparteċipaw. Il-parati li nagħmlu fil-Karnival, nagħmluhom biex in-nies jieħdu pjaċir magħna u jgawdu dan il-Karnival rikk, spettakolari u kulurit li nafu nagħmlu aħna l-Maltin.”
Mistoqsi dwar il-proġett taċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa, id-Direttur Artistiku tal-Karnival qal li wara li nqata’ l-appell fil-Qorti fuq tender f’Diċembru li għadda, il-kuntrattur diġà beda jniżżel il-materjal biex ikompli x-xogħol fuq dan il-proġett.

Huwa qal li “issa li hemm kollox f’postu, qed isiru t-tenders tal-kostruzzjoni u qed naraw li fi żmien erba’ snin oħra dan il-proġett ikun magħluq, fejn il-karristi se jkunu taħt saqaf wieħed filwaqt li jkun hemm post għaż-żfin u t-taħriġ u anke mużew bil-kostumi.”
“Se jkun post fejn it-tfal u ż-żgħażagħ imorru hemm u jibdew jesperjenzaw din l-arti biex isir il-Karnival. B’hekk dan iċ-ċentru se jkun wieħed mill-akbar skejjel tal-arti li se jkollna fil-pajjiż,” tenna Busuttil.


