Il-Malta Amateur Football Association (MAFA) organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha fil-kwartieri tal- Malta Football Coaches Association, fejn ġie ppreżentat u diskuss ir-Rapport Amministrattiv għall-istaġun 2025/26.
L-istaġun kien wieħed pożittiv u kompetittiv, bi 17-il tim jipparteċipaw fiż-żewġ diviżjonijiet tal-kampjonat. Għaxaq Wolves rebħu t-tieni kampjonat konsekuttiv tal-Ewwel Diviżjoni, filwaqt li Attard Edex Kings kisbu l-unur tat-Tieni Diviżjoni. Senglea Gunners kellhom sena memorabbli hekk kif rebħu l-MAFA Knock-Out, il-BOV MAFA 70th Anniversary Cup u t-Twanny Agius Fair Play Cup.
Matul il-laqgħa ġiet enfasizzata wkoll il-ħidma amministrattiva u l-progress li sar fil-qasam diġitali, b’aktar kontenut fuq il-midja soċjali, xandir dirett ta’ logħbiet u użu b’suċċess tas-sistema COMET għall-amministrazzjoni online.
Il-MAFA rringrazzjat lill-klabbs, uffiċjali, referees, sponsors u voluntiera kollha għall-kontribut tagħhom matul l-istaġun, filwaqt li ħarset ’il quddiem lejn l-isfidi u l-opportunitajiet tal-istaġun 2026/27 sabiex tkompli ssaħħaħ il-futbol amatorjali f’Malta.

