Thursday, December 26, 2024

Il-maġġoranza assoluta tan-negozji b’andament aħjar mis-sena l-oħra fi Black Friday

Aqra wkoll

Wara perjodu meqjus bħala wieħed diffiċli għal ħafna negozji minħabba l-Covid-19, in-negozji kienu qed iħarsu ‘l quddiem għall-Black Friday ta’ din is-sena b’ambizzjoni kbira. Dan b’mod speċjali hekk kif il-pjan tagħhom kien li jaqbżu l-livelli tas-sena l-oħra u jqarrbu lejn iċ-ċifri tal-bejgħ tas-sena 2019.

Il-Black Friday ta’ din is-sena ġiet meqjusa bħala waħda pożittiva hekk kif skont il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji l-maġġoranza assoluta tan-negozji marru aħjar mis-sena l-oħra, b’uħud minnhom laħqu aktar l-aspettattivi tagħhom li jilħqu l-livell ta’ bejgħ tas-sena 2019. Madanakollu, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji qalet li jidher ċar li l-ekonomija ta’ Malta għadha qed tbati mill-effetti tal-pandemija.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li l-aktar prodotti popolari għal din is-sena reġgħu kienu l-aġġeġġi, tagħmir elettroniku u l-appliances. Qalet ukoll li kien hemm saħansitra ċertu bejjiegħa li xtaqu li kellhom iktar prodotti biex ibiegħu.

Dwar prodotti oħra, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji qalet li ma bdewx jinbiegħu daqshekk filgħodu iżda l-bejgħ tagħhom eventwalment żdied wara nofsinhar bil-livelli ta’ bejgħ li jilħaq dak ta’ bejn l-2019 u l-2020. Il-Kamra qalet li kien hemm bejjiegħa li qalu li jinsabu sodisfatti bi prestazzjoni tajba filwaqt li oħrajn stennew li din is-sena tkun aħjar.

Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nnotat li l-isfidi li n-negozji kellhom iħabbtu ma’ wiċċhom din is-sena ma kinux żgħar. Fost l-oħrajn semmiet li ħafna negozji qed isofru minħabba d-dewmien li qed jirrappurtaw meta jiġu biex jimpurtaw mir-Renju Unit minħabba l-Brexit.

Fattur ieħor li nnotat din il-Kamra kienet il-maltempata ta’ nhar il-Ħamis li ma għenitx anke minħabba l-fatt li dakinhar kien jum importanti hekk kif bosta negozji kienu diġà bdew bl-offerti tagħhom. Ġie nnutat li l-pjattaformi online għamlu tajjeb f’dan ir-rigward. 

Ekonomija

Sport