Thursday, March 28, 2024

Lil min issejjaħ jekk tara fatat?

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Is-sequel “Ghostbusters: Afterlife” kien il-film li ġibed l-akbar udjenzi fit-teatri Amerikani fi tmiem il-ġimgħa li għadda.  Dan kellu dħul ta’ $44 miljun bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd.  Id-dħul kien akbar minn dak mistenni.

Dan is-suċċess offra kuntrast ma’ “King Richard” li minkejja l-preżenza solida ta’ Will Smith, il-pubbliku ftit li xejn tħajjar li jmur jarah u spiċċa fir-raba’ post.  Fosri l-fatt li l-Warner Bros. ħarġuh ukoll HBO Max, seta’ kellu effett fuq prestazzjoni tiegħu fit-teatri.

Fit-tliet postijiet l-oħra insibu “Eternals” fit-tieni post, “Clifford the Big Red Dog” fit-tielet post filwaqt li “Dune” okkupa l-ħames post.

Ghostbusters: Afterlife

37 sena ilu, wieħed mis-suċċessi kbar ta’ dik l-epoka kien “Ghostbusters” bl-atturi Bill Murray, Dan Aykroyd, Harold Ramis u Sigourney Weaver.  Karattru ieħor li seraq l-immaġinazzjoni ta’ dawk li marru jaraw dan il-film, kienet il-famuża karozza Ecto 1. Ħames snin wara, kien ħareġ is-sequel “Ghostbusters II” li mar mhux ħażin imma ma kellux suċċess daqs l-ewwel wieħed.

Fl-2016, is-Sony Pictures irxuxtaw din il-franchise imma b’kast kollu nisa: Kristen Wiig, Melissa McCarthy, Leslie Jones u Kate McKinnon.  In-narrattiva bejn wieħed baqgħet l-istess imma s-suċċess ma kienx dak mistenni. 

Issa għandna sforz ieħor f’din il-franchise.  “Ghostbusters: Afterlife” jista’ jitqies bħala sequel għall-ewwel żewġ films. 

Meta s-single mother Callie (Carrie Coon) tiġi żgumbrata minn darha, hi u ż-żewġ uliedha ma jkollhomx triq oħra ħlief li jmorru f’dar tar-razzett li ma tantx kien fi stat tajjeb.  Din id-dar f’Summerville, Oklahoma, tkun tħallitilhom min-nannu tat-tfal, li huma: iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena Trevor (Finn Wolfhand) u Phoebe (McKenna Grace), tfajla li tkun iffissata fuq ix-xjenza.

It-tfal ma jdumux ma jadattaw rwieħhom għal dan l-ambjent ġdid.  Trevor isib jaħdem biex ikun qrib it-tfajla li jiffissa fuqha, filwaqt li Phoebe tibda tattendi skola tas-sajf, fejn l-għalliem hu s-sismologu Gary Grooberson (Paul Rudd).  Phoebe tagħmel ħbieb ma’ wieħed li jsejjaħ lilu nnifsu Podcast (Logan Kim), li ħsiebu biex jagħmel dokumentarju dwar ħajtu.  

Fl-inħawi fejn jmorru joqogħdu, jibdew iseħħu numru ta’ terrimoti mhux spjegabbli għax dik iż-żona ma kienetx magħrufa li kellha difett geoloġiku.  Iseħħu wkoll affarijiet strambi f’minjiera qadima li s-sid tagħha ikun l-allegat okkultista Ivo Shandor (J.K. Simmons).

It-tfal Phoebe u Trevor jiskopri l-istorja ta’ nannuhom Dr Egon Spengler u l-Ghostbusters oriġinali li issa kienu intesew minn kulħadd.

Iridu jgħaddu 51 minuta biex nibdew naraw il-fatati, għalkemm hemm ħjiel qabel. Meta l-fenominu sopranaturali jibda jseħħ, dawn it-tfal flimkien ma’ oħrajn iridu jsalvaw id-dinja billi jużaw l-apparat tal-Ghostbusters.

“Ghostbusters: Afterlife” hu maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Jason Reitman, iben id-direttur Ivan Reitman li dderieġa l-ewwel żewġ films.   

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat PG (it-tfal aħjar ikunu akkumpanjati minn adult) minħabba xi xeni ħfief tal-biża’ u kliem mhux adattat għal tfal żgħar.

King Richard

Il-maġġoranza tal-films dwar sportivi huma ffukati li juru it-talent eċċezzjonali li jkollhom.  “King Richard” hu differenti, fis-sena li hu id-determinazzjoni tal-missier Richard Williams, li jagħmel lill-uliedu Venus u Serena l-aqwa tennisti fid-dinja.

It-triq mhux dejjem kienet għal wità, imma d-determinazzjoni tal-missier kienet iffukata u b’saħħitha.  It-taħriġ kien isir fit-tennis courts pubbliċi ta’ Compton, kemm fil-bnazzi kif ukoll fil-maltemp.  Kien hemm anke min għamel rapport lill-pulizija li l-missier kien qed ikun iebes wisq ma’ uliedu fit-taħriġ.

Fil-parti ta’ Richard Williams, jidher Will Smith li jagħti nterpritazzjoni tajba ħafna.  Għadu kmieni biex nibdew nitkellmu dwar l-Oscars imma fil-mument, Will Smith hu l-favorit li jkun wieħed mill-ħames atturi nnominati, propju għal din il-parti.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Reinaldo Marcus Green, b’budġit ta’ $50 miljun, “King Richard” għandu jservi ta’ ispirazzjoni għax b’mod effettiv jurina li s-suċċess ġie b’riżultat ta’ impenn serju.  Il-messaġġ hu ċar: tista’ tasal fejn trid jekk tpoġġi moħħok hemm.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat PG (it-tfal aħjar ikunu akkumpanjati minn adult) minħabba ftit vjolenza moderata, referenzi għar-razziżmu u xi kliem mhux xieraq. 

Ekonomija

Sport