Monday, April 15, 2024

“Irnexxieli nagħmilha minkejja l-baħar qawwi”

Aqra wkoll

Tifel ta’ 10 snin jaqsam il-fliegu bl-għawm biex iqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li ma jintremiex plastik fil-baħar

F’eku ta’ dak li għamel l-għawwiem ewlieni Malti Neil Agius f‘Ġunju li għadda, l-għawwiem ta’ 10 snin Liam Daly għam minn Għawdex (Ix-Xatt l-Aħmar) għal Malta (Paradise Bay) u f’ħin ta’ siegħa u 43 minuta u dan biex iqajjem kuxjenza biex ma jintremiex plastik fil-baħar.

Huwa nnifsu tana d-dettalji kollha: “Lura fit-22 ta’ Novembru 2019 iddeċidejt li ngħum minn Kemmuna għal Ħondoq biex inqajjem kuxjenza kontra l-plastik fil-baħar. Kien il-maltemp u spiċċajt ngħum 2 km f’51 minuta. Ħadt gost però u s-sena ta’ wara fit-22 ta’ Novembru 2020 ridt naghmilha ikbar u qsamt minn Għawdex għal Malta, 6.2 km f’sagħtejn u 22 minuta. Kienet xi ftit xita però l-baħar kien pjuttost sħun.

“Fiz żewġ għawmiet kelli l-ġenituri miegħi fuq dgħajsa, l-ERRC u żewġ atleti tal-klabb tiegħi Shamrock Stars – Marvic Mizzi u Ariel Cruz li akkumpanjawni waqt l-għawma u x’ħin wasalt kelli s-surmast u t-tfal tal-klassi tiegħi tal-iskola Primarja tal-Vajrinġa, Għawdex jistennewni. Kienu esperjenzi mill-isbaħ speċjalment għax din id-darba ġbart il-flus għan-Nature Trust – FEE Malta. Irnexxieli niġbor €1,030.

“Din is-sena, fit-23 ta’ Novembru 2021 għamilt l-istess għawma iżda minn Għawdex (Ix-Xatt l-Aħmar) għal Malta (Paradise Bay) u rnexxieli ntejjeb l-ħin. Għamiltha f’siegħa u 43 minuta. Kien ta’ sodisfazzjon kbir li tejjibt il-ħin b’iktar minn 30 minuta avolja kien riħ Forza 4 u kien hemm mumenti fejn il-mewġ kien għoli mhux ħażin. Din id-darba kelli miegħi lil Fabio Spiteri li hu l-kowċ tiegħi u tal-klabb tiegħi Shamrock Stars u huwa wkoll bniedem li nammira ħafna għax bħali jħobb l-annimali u hu atleta kbir.

“Se nipprova niġbor €3,000 għan-Nature Trust. Nispera li jirnexxieli biex inkun nista’ ngħin lill-kreaturi tal-baħar. Fl-2019 kienet għawma diffiċli għax kienet l-ewwel darba u kien ħafna maltemp però ma tantx kienet twila. Is-sena l-oħra kienet twila però l-baħar ma kienx kiesaħ xejn però din is-sena għalkemm l-għawma kienet aktar mgħaġġla batejt iżjed mhux minħabba l-baħar qawwi Forza 4 iżda għax wara 2 km bdejt inħoss il-bard. It-temperatura tal-baħar diġà kesħet u bżajt li ma jirnexxilix minħabba l-ksieħ.

“B’xorti tajba bqajt għaddej b’ritmu tajjeb u rnexxieli nasal għalkemm kont interter bil-bard. Hemmhekk sibt lil ta’ Television Malta jistennewni u lis-Sinjur Kevin Azzopardi is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti u lil tan-Nature Trust. Nispera li b’dawn l-għawmiet jirnexxieli nqajjem kuxjenza lil aktar nies sabiex ma jużawx u ma jarmux plastik u nitlobhom biex jagħtu xi ħaġa żgħira sabiex inkun nista’ ngħin lill-kreaturi tal-baħar!”

Ekonomija

Sport