Tuesday, November 10, 2026
Home Sport Il-Malta Football Association se tħabbar riforma mportanti fis-settur tal-grassroots 

Il-Malta Football Association se tħabbar riforma mportanti fis-settur tal-grassroots 

0
42
ritratt: mfa.com.mt

Hekk kif illejla titlaqqa t-tielet Assemblea Ġenerali tal-MFA għal din is-sena, il-bieraħ filgħaxija, il-President tal-Malta Football Association , Bjorn Vassallo, ħabbar li se tkun qed tippreżenta riforma kbira fil-livell tal-grassroots. 

Is-Sur Vassallo qal li din hija l-aħħar riforma li fadal biex tiġi implimentata minn dawk ir-riformi kollha li kien ippreżenta meta kien elett president fis-sena 2019. 

Dan intqal waqt programm televiżiv fuq l-istazzjon nazzjonali. Minn dak spjegat jidher li l-Malta FA se tkun qed tbiddel il-proċessi li bihom jaħdmu n-nurseries tal-football biex tissaħħaħ il-mogħdija mill-ewwel snin sakemm il-players jaslu biex jilagħbu fit-timijiet tal-kbar. 

Huwa saħaq fuq l-importanza li jiżdied il-ħin tal-logħob għaż-żgħażagħ, fuq ir-ritenzjoni u allura li ma jintilfux tfal mis-sistema, fuq it-tagħlim li dawn jieħdu permezz ta’ kurrikulum nazjonali ġdid u fuq għażliet ġodda li l-clubs se jkollhom biex iż-żgħażagħ Maltin isibu aktar spazju. Din ir-riforma li kienet diġá ppreżentata lir-rappreżentanti tal-players, tal-coaches u tal-Youth FA, jidher li qed issib l-appoġġ tal-imsieħba li joperaw f’dan il-qasam tant importanti fil-logħba tal-football. 

Il-president qal ukoll li l-MFA qed taħdem fuq aktar proġetti speċifiċi anki fil-qasam tat-timijiet nazzjonali u wiegħed aktar investiment biex jinbnew il-ġenerazzjonijiet ta’ players futuri. Dan kollu waqt li enfasizza l-importanza li rridu nħallu lill-esperti jaħdmu u li r-ritorn ma jiġix f’qasir żmien iżda fuq perjodu twil.

Huwa rrimarka li l-mument tajjeb tat-team nazzjonali tal-Irġiel u anki s-sodisfazzjonijiet li qegħdin nieħdu mil-football tan-Nisa waslu minn ħidma iffukata biex jogħla l-livell u li llum dan kollu qed jirrifletti fi prestazzjonijiet u riżultati aħjar. 

Il-Malta Football Association fl-aħħar snin investiet bis-sħiħ flimkien mal-Gvern Ċentrali f’faċilitajiet sportivi moderni u fi programmi fl-iskejjel u oħrajn tal-identifikazzjoni tat-talent u kkonfermat li mhux se tieqaf hawn, anzi li se tkabbar l-investiment f’dan il-qasam biex it-tfal Maltin jibqgħu jingħatawlhom l-opportunitajiet li jixirqilhom.

L-AĦĦAR MANDAT TAL-PRESIDENT BJORN VASSALLO

Waqt l-istess programm il-President tal-Malta FA ħabbar ukoll li dan huwa l-aħħar mandat tiegħu fit-tmexxija tal-Assoċjazzjoni hekk jiġu fi tmiemu f’Marzu 2028. 

Peró, fl-istess waqt ma eskludiex il-possibbiltà, li jista’ jieqaf minn din ir-responsabbiltá qabel iż-żmien … skont iċ-ċirkostanzi tas-sitwazzjonijiet. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here