L-Aġenzija Żgħażagħ organizzat id-9 edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival, inizjattiva li tkompli toħloq spazju fejn iż-żgħażagħ, bejn 16–30 sena jistgħu jesprimu l-kreattività tagħhom, jaqsmu l-esperjenzi li għaddew minnhom u jagħtu vuċi lill-ideat u l-ħsibijiet li huma importanti għalihom. B’kollox, kien hemm 14-il film sottomess.
Il-festival huwa aktar minn avveniment taċ-ċinema. Huwa pjattaforma li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni kulturali, tagħti prominenza lill-vuċijiet taż-żgħażagħ u toffri opportunità biex jiġu esplorati perspettivi differenti permezz tal-arti u l-film.
Permezz tal-produzzjonijiet ippreżentati, iż-żgħażagħ qed jingħataw l-opportunità li jirrakkontaw stejjer li jirriflettu r-realtajiet, il-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom, filwaqt li jikkontribwixxu għal diskussjonijiet importanti dwar il-ħajja fis-soċjetà tal-lum.
Din l-inizjattiva hija konformi mal-għanijiet tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2030, li tpoġġi enfasi fuq il-parteċipazzjoni u l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ, l-inklużjoni u d-diversità, kif ukoll il-kreattività bħala mezz ewlieni ta’ involviment u żvilupp personali. Waqt l-attività ġie enfasizzat ukoll l-importanza li jinħolqu spazji siguri u inklussivi fejn iż-żgħażagħ iħossuhom mismugħa, rispettati u appoġġjati biex jesprimu ruħhom liberament.
Il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri, u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali Omar Farrugia qal kif il-Malta Youth Film Festival hi pjattaforma b’saħħitha ħafna biex iż-żgħażagħ Maltin jesponu t-talent tagħhom. “Żgur illi dawn l-awards se jkomplu jħajru aktar żgħażagħ b’motivazzjoni akbar biex is-sena li ġejja dan il-festival ikun wieħed ikbar u isbaħ, sabiex it-talent Malti jilħaq il-mira tiegħu,” sostna l-Ministru.
Il-Manager tal-Youth Empowerment Unit Maria C. Borg qalet kif “din hija pjattaforma għal film makers żgħażagħ, kollaborazzjoni bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Malta Film Foundation, u ilu jsir għal dawn l-aħħar 9 snin, f’9 edizzjonijiet differenti. Din is-sena kellna 14-il sottomissjoni minn żgħażagħ differenti f’Malta.”
Matul il-festival ġie rikonoxxut ukoll it-talent u l-impenn tal-parteċipanti kollha. Il-produzzjonijiet ippreżentati wrew kreattività, innovazzjoni u kuraġġ fit-twassil ta’ stejjer li jagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà.
L-attività għalqet bir-rebbieħa tal-aqwa stampa, l-iżjed premju importanti tas-serata, fejn rebħet Evelyn Magro, bil-film “Il-Bikja u l-Prestazzjoni”.

