Saturday, November 23, 2024

Il-Maltija fil-qalba tal-Ewropa

Aqra wkoll

Nitkellmu ma’ Helena Dalli, Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, li f’din l-intervista fost oħrajn titkellem dwar l-impatt tal-coronavirus kemm fuq is-soċjetà Maltija kif ukoll fuq dik Ewropea

Minn CRISTIAN MUSCAT

X’kien dak il-fattur li ħajrek sabiex tidħol fid-dinja tal-politika?

Naħseb wieħed mill-fatturi li ħajjarni nidħol fid-dinja tal-politika kien proprju n-nuqqas ta’ ugwaljanza li kont qed nara madwari. Kif nafu s-soċjetà mhux kollha l-istess minħabba li ssib nies li jlaħħqu mar-ritmu ekonomiku tal-ħajja iżda ssib oħrajn li jbatu l-faqar fis-silenzju.

Niftakar episodju partikolari meta kont l-iskola u l-għalliema kienet saqsiet lil tifla partikolari għalfejn ma kinitx ħaslet snienha. Forsi din l-għalliema ma rrealizzatx li din it-tifla ma kinitx ħaslet snienha għax ma kellhomx tutpejst id-dar minħabba li ma kellhomx flus biex jixtru wieħed. Din kienet xi ħaġa żgħira li osservajt u li ġegħlitni ninnota li hawn familji li huma fil-bżonn u li s-sitwazzjoni soċjali tagħhom ma tħallihomx jgħixu ħajja ta’ dinjità. Kien għalhekk li bdejt ninteressa ruħi fil-politika.

X’emozzjoni ħassejt meta ġejt eletta għall-ewwel darba fil-Parlament?

Kienet emozzjoni ferm sabiħa li ħassejt meta ġejt eletta għall-ewwel darba fil-parlament. In-nies qishom tawni ċavetta sabiex nipprova ngħinhom bil-miżuri u d-deċiżjonijiet li nieħu sabiex intejjeb l-istil ta’ ħajja tagħhom. Dik iċ-ċavetta tfisser ukoll ħafna xogħol u impenn li jien dħalt għalih b’responsabbilta’ kbira lejn iċ-ċittadini li tawni l-vot tagħhom. Ridt li jkun hemm bidliet li bihom in-nies ikunu aktar kuntenti. Ridt ukoll li tiżdied l-ugwaljanza u li ħadd ma jħossu emarġinat.

Issa tinsab tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, x’responsabbiltajiet għandek?

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru li wera fiduċja fil-ħiliet tiegħi sabiex nokkupa din il-kariga. Nista’ ngħidlek li hemm responsabbiltà kbira involuta. Fejn qabel kont ministru ta’ 500,000 persuna, issa qed nieħu ħsieb li ntejjeb il-ħajja ta’ madwar 500 miljun ruħ. Għalhekk dan ir-rwol jitlob ħafna impenn.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa?

Nista’ ngħid li mxejna ħafna ‘l quddiem għalkemm naħseb li bqajna lura fejn għandu x’jaqsam nisa li jkunu fit-treġija ta’ kumpanija jew azjenda u li minn hemm iridu jittieħdu ċerti deċiżjonijiet. B’xorti ħażina għadna lura minn pajjiżi oħra fejn għandu x’jaqsam nisa fil-parlament. Għad hemm diskrepanza wkoll fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u oħra f’dak li għandu x’jaqsam pensjonijiet. Min-naħa tiegħi, jien nixtieq trasparenza fil-pagi. Kien għalhekk li qed noħolqu djalogu soċjali mal-unjins tax-xogħol sabiex ikollna t-triq ‘il quddiem.

Taħseb li l-politika hi mezz ewlieni ta’ kif tinħoloq il-ġustizzja soċjali?

L-ewwel u qabel kollox, importanti li jkun hemm partiti jew membri parlamentari b’ruħ soċjali. Naħseb li mxejna ‘l quddiem f’dan ir-rigward. Il-moviment Laburista dejjem kien minn ta’ quddiem li jippromwovi r-ruħ soċjali u li bih jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tan-nies.

Kif għedtlek aktar qabel, aħna kommessi li ntejbu l-ħajja ta’ nies li spiċċaw bla xogħol, dawk emarġinati u persuni b’diżabbiltà.

Nafu li fl-Ewropa jeżistu realtajiet soċjali li aħna rridu nsibu soluzzjonijiet għalihom. Jien personalment inżomm il-fattur tal-ġustizzja soċjali bħala prijorità.

Kif issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali?

Fil-verita’ ma tantx jista’ jkolli ħajja personali minħabba li l-ġurnata hi ferm twila. Minkejja kollox, jien nipprova nimxi skont id-direttiva tal-work-life-balance. Fl-istess waqt jien nara li l-istati membri jimplimentawha għalkemm nammetti li x-xogħol żdied ħafna.

B’xorti tajba, illum il-ġurnata hawn it-teknoloġija li sa ċertu punt ħallietna għaddejjin xorta waħda minkejja l-pandemija ta’ COVID-19. Illum tista’ tagħmel laqgħa fuq zoom għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija.

Minkejja kollox hu importanti li toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

B’xorti ħażina għadna lura minn pajjiżi oħra fejn għandu x’jaqsam nisa fil-parlament

M’hemmx dubju li l-ekonomija f’Malta laħqet livelli tajbin. Madankollu taħseb li hawn faqar li ma jidhirx?

L-ewwel u qabel kollox irridu naraw li l-ġid jitqassam bejn kulħadd sabiex ħadd ma jibqa’ lura. Importanti li dan il-ġid ekonomiku li semmejt igawdi minnu kulħadd. Warakollox għalhekk toħloq il-ġid sabiex imbagħad tqassmu lill-poplu Malti.

Xi tgħidli fuq il-kultura ta’ impunità  li għandna?

Nemmen li l-kultura ta’ impunità m’għandhiex tkun. M’għandhiex tidgħajjef il-ġustizzja. Anzi quddiem il-ġustizzja kulħadd l-istess. Allaħares ma jkunx hekk għax inkella kulħadd jagħmel li jrid.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kannabis rikreazzjonali?

L-ewwel u qabel kollox nemmen li aħna għandna nisimgħu lill-poplu. Wara dan il-proċess għandna nħabbtu l-ideat flimkien sabiex noħorġu b’deċiżjoni. Fl-istess waqt hemm ukoll referenza xjentifika li tagħti aktar dettalji dwar il-kannabis innifisha.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-istat tal-familja f’Malta? Taqbel miegħi li hawn diversi sfidi li jridu jiġu indirizzati?

Nibda biex ngħid li hawn diversi forom ta’ familja li mhux bilfors niddefinixxu bilfors skont id-demm iżda wkoll mill-imħabba li xi persuni jirċievu.

Int semmejtli fuq l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-familji llum il-ġurnata. Jien ngħidlek li minn dejjem kien hawn inkwiet u differenzi fil-familji. Nemmen ukoll li bid-diskussjoni, tasal għal soluzzjoni.

Nissuġġerixxi li matul dan is-sajf il-vaganzi jsiru f’pajjiżna stess ħalli nkunu aħna li ngħinu lil-lukandi u ristoranti tagħna jerġgħu jieħdu r-ruħ

Mill-banda l-oħra, meta l-partijiet ma jkunux jistgħu jkomplu, importanti li jkun hemm soluzzjoni oħra. Wara kollox kulħadd għandu dritt li f’ħajtu jkun ferħan u seren.

Jekk hemm l-imħabba u l-għaqda se jkun hemm stabbilta’. Fl-istess waqt, meta jkun hemm diżgwid bejn il-ġenituri importanti li jżommu quddiem għajnejhom li hemm it-tfal u li xorta jħobbuhom l-istess.

Kemm taħseb li hawn rispett lejn l-awtorità?

Nemmen li r-rispett trid taħdem għalih. Ir-rispett mhux xi ħaġa awtomatika li tfaqqa’ subgħajk u jiġi. Jekk in-nies fl-awtorita’ jkunu serji f’xogħolhom, ir-rispett jiġi wkoll. Jien insaqsi mistoqsija; X’qed tagħmel sabiex tirbaħ ir-rispett ta’ ħaddieħor?

It-teknoloġija kif bidlet lid-dinja?

Nistgħu ngħidu li f’dawn l-aħħar 30 sena rajna tibdil mgħaġġel fl-istorja tal-bniedem. Ir-rivoluzzjoni industrijali kienet evidenti anke bis-saħħa tal-bidliet diġitali li sar. Illum wieħed biddel kompletament il-mod ta’ kif jikkomunika, jaħdem, jivjaġġa, jixtri u dan kollu bis-saħħa tal-internet. Bla dubju li f’dan iż-żmien ħajjitna marret għal aħjar għalkemm importanti li nieħdu vantaġġ sew mit-teknoloġija.

Bħalissa kif qed tadatta l-ħidma tiegħek f’din il-pandemija tal-COVID-19?

Ovvjament bħalissa ma nistax immur barra minn Malta minħabba li hemm l-ajruporti magħluqin. Għalhekk qed nagħmlu l-laqgħat permezz ta’ video-conference. Kif għedtlek it-teknoloġija għenet ħafna sabiex il-ħajja ta’ kuljum tħallina għaddejjin. Il-fatt li kellna l-internet waqt din il-pandemija fejn ħadd ma seta’ joħroġ fejn ried, għenitna ħafna.

Fl-internet issib minjiera ta’ informazzjoni li tgħinek tgħaddi ż-żmien. Min-naħa tiegħi xtrajt xi kotba online li nista’ naqrahom fuq it-tablet. Jien dilettanta kbira tal-kotba u għalhekk f’dan iż-żmien qed nieħu ħsieb naqra aktar.

X’tikkummenta fuq l-ekonomija globali li ddgħajfet minħabba din il-pandemija?

M’hemmx dubju li l-ekonomija tad-dinja se tintlaqat ħażin bil-COVID-19. Hemm pajjiżi li kellhom riżorsi ekonomiċi li kienu kapaċi jissieltu kontra din l-inċertezza iżda hemm oħrajn li sabu l-iebes. M’hemm xi ngħidu, it-turiżmu se jintlaqat ħafna minn dak kollu li ġara minħabba li ħadd m’hu se jsiefer lejn pajjiż ieħor kif inhuma l-affarijiet.

Huwa għalhekk li nissuġġerixxi li matul dan is-sajf il-vaganzi jsiru f’pajjiżna stess ħalli nkunu aħna li ngħinu lil-lukandi u ristoranti tagħna jerġgħu jieħdu r-ruħ.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ ta’ tama lill-poplu Malti li għaddej minn dan il-mument xejn pjaċevoli.

L-ewwel ħaġa nixtieq nappella lil kulħadd sabiex isegwi l-istruzzjonijiet li joħroġ id-dipartiment tas-saħħa. Nixtieq nirringrazzja lit-tobba, infermiera, cleaners, impjegati fi ħwienet u supermarkets minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejna minnu baqgħu jagħtuna s-servizz mixtieq.

Ejja nimxu mar-regolamenti u nkunu responsabbli bl-azzjonijiet tagħna. Kollox jiddependi minna.

Sport