Wednesday, March 27, 2024

L-imħabba bla kundizzjoni… ġabret €104,000 biex iġġib lir-raġel mill-Afrika wara li marad bil-Covid-19

Aqra wkoll

Minn VICTOR VELLA

L-imxija tal-coronavirus, ħolqot xenarji differenti. L-imwiet ta’ eluf ta’ persuni, ħafna minnhom anzjani imma mhux biss, ħolqot tbatija kbira fost il-qraba tal-istess vittmi. Minkejja dan, din l-imxija qed turina stejjer oħrajn. Ta’ qraba jippruvaw b’kull mezz jagħmlu kuntatt ma’ dawk morda, is-solidarjetà ma’ dawk li qegħdin f’sitwazzjoni żvantaġġjata jew li ma jistgħux joħorġu minn darhom.  Ma’ dan qed naraw ukoll li din l-imxija qed turi is-saħħa tal-imħabba bla kundizzjoni. Eżempju ta’ dan hu l-azzjoni bla preċedent li ħadet Chiara Beninati. Żewġha, li hu mill-Guinea, mar żjara f’dak il-pajjiż iżda spiċċa marad bil-coronavirus.  Minħabba limitazzjonijiet fis-sistema tas-saħħa f’dan il-pajjiżi martu riedet iddaħħlu lura fi Sqallija. Inqala pandemonju sħiħ. Ġabret xejn inqas minn €104,000 biex tibgħatlu ajruplan privat. Imma anki hawn inqalgħu intoppi għax instab li dak l-ajruplan ma kienx se jitħalla jinżel f’Palermo. Ma naqsux appelli imqanqla minn martu Chiara. Finalment il-gvern Taljan bagħat ajruplan militari biex jiddaħħal fi Sqallija.

Chiara Beninati, hi miżżewġa lil Jesus Jamie Mba Obono.  Hu jaħdem fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Għalkemm hu kien jgħix flimkien ma’ martu u ibnu f’Palermo, oriġinarjament hu twieled fil-Guinea. 

Kien f’Jannar li għadda li hu mar iżur lil familja tiegħu fil-Guinea. Hemmhekk hu spiċċa infettat bil-COVID19.   Dan il-pajjiż bħal ħafna pajjiżi oħra Afrikani hux mgħammar biex jiġġieled b’mod effettiv din il-pandemija.  Obono spiċċa fi sptar fil-Guinea.

Martu, f’tentattivi iddisprati għax konxja mil-limitazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa f’dak il-pajjiż, bdiet tagħmel appelli biex jinġab lura. Ma qatgħetx qalbha iddeċidiet li tiġbor il-flus hi stess u tagħmel attivitajiet biex jinġabru flus u tibgħatlu ajruplan privat.

Ir-rispons li rċeviet kien wieħed qawwi ħafna. Fi tlett ijiem, ġabret €104,000. Is-solidarjetà mit-Taljani kienet waħda pronta u li tħallik bla kliem. 

Imma anki hawn, il-problemi u l-intoppi ma naqsux. Chiara issir taf li l-ajruplan li hi kienet se tikri ma kienx se jitħalla jinżel fl-ajruport ta’ Palermo. Waqt li ssir taf b’dan, saħħet żewġha tmur għall-agħar.  Ma jonqsux appelli ddisprati minn martu. Finalment jintervjeni il-Ministru għad-Difiża u jintbagħat ajrplani militari.  Obono, bħalissa qed ikun ikkurat fi sptar li fiha hemm il-pażjenti bil-COVID f’Palermo.

Ekonomija

Sport