Saturday, May 4, 2024

Ir-rata tal-qgħad fl-Istati Uniti titla’ għal 14.7% kaġun tal-coronavirus; F’xahar tiżdied b’10.3%

Aqra wkoll

Ir-rata ta’ qgħad fl-Istati Uniti telgħet għal 14.7% matul ix-xahar ta’ April, l-ogħla rata reġistrata sa mid-Dipressjoni l-Kbira li bdiet fl-1927 u kompliet tul is-snin 30. Dan hekk kif f’temp ta’ ftit ġimgħat mal-20.5 miljun persuna ġew qiegħda kaġun tal-pandemija tal-Covid-19.

It-telf tal-impjiegi tirrifletti wkoll l-effetti tar-riċessjoni ekonomika kkaġunata mill-għeluq ta’ negozji fi kważi kull industrija.

Statistika ppubblikata mill-awtoritajiet Amerikani turi kif il-kollass tas-suq tal-impjiegi seħħ f’qasir żmien. Sa Frar li għadda, ir-rata tal-qgħad (3.5%) kienet fl-inqas livelli għal dawn l-aħħar 50 sena, bil-ħolqien tal-impjiegi reġistrati għal rekord ta’ 113-il xahar,

F’Marzu l-qgħad kien beda jerfa’ rasu, bir-rata titla’ b’0.9% għal 4.4%.

Madankollu matul ix-xahar ta’ April din għoliet b’10.3%. U din ir-rata taf hija biss waħda konservattiva, hekk kif rapport maħruġ mill-Gvern jindika li din ir-rata tal-qgħad ma tiħux inkonsiderazzjoni dawk il-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom matul ix-xahar ta’ April iżda li ma fittxux għal impjieg ieħor.

L-impatt taż-żieda fil-qgħad kienet riflessa wkoll fit-tnaqis fil-proporzjon ta’ dawk il-persuni t’età li jaħdmu li effettivament għandhom impjieg, bir-rata tonqos għal 51.3%.

Apparti ż-żieda fir-rata tal-qgħad, mal-5.1 miljun ħaddiem ieħor irreġistraw tnaqqis fis-sigħat tal-impjiegi matul ix-xahar ta’ April.

Dan it-trend negattiv se jkun qed jirriżulta direttament f’inqas dħul u nfiq, li min-naħa tagħhom se jkomplu jemfasizzaw ir-riċessjoni ekomomika.

Għalkemm uħud min-negozji f’ċerti stati qed jerġgħu jibdew jiftħu mill-ġdid, fabbriki, lukandi ristoranti, resorts, swali taċ-ċinema, ċentri sportivi u diversi negozji żgħar għadhom magħluqin.

Sport