Sunday, November 24, 2024

Il-membri huma ċ-ċentru tal-attività tagħna bħala klabb – Joseph Vella (president Inter Club Malta)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Inter Club Malta qed jiċċelebra tragward ieħor mit-twaqqif tiegħu: is-46 anniversarju. Storikament, x’sinifikat għandu dan l-anniversarju għall- klabb?

Biex  inwieġbek għal din il-mistoqsija rrid immur 46 sena ilu jekk mhux aktar il-bogħod meta perjodikament kienu saru diversi tentattivi sabiex jingħaqad Inter Club, speċjalment fl-1972 meta l-Inter ġew Malta biex jilgħabu fl-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA kontra l-iljuni ta’ Valletta City. Iżda darba dawn telqu, kollox tar mar-riħ.Però iż-żmien propizju kienet is-sena 1978 meta fuq inizjattiva ta’ Joe Bugelli li għamel kuntatt dirett mal-Inter u Lawrence Cutajar li permezz tal-ġurnal sportiv ‘Italfutbol’ stieden lil partitarji Interisti sabiex jingħaqdu flimkien taw bidu għal proċess biex jingħaqad Inter Club.

Ma’ dawn iż-żewġ persuni ngħaqdu Louis Pace Axiaq, Arthur Hass, Godwin Schembri u Joe Gauci li fit-18 t’Awissu 1978 ġewwa Palazzo Caraffa fil-Belt Valletta quddiem sala mimlija partitarji Interisti welldu l-Inter Club Malta – Nerazzurri Si Nasce b’Joe Gauci u Joe Bugelli jiġu maħtura l-ewwel President u Segretarju rispettivament.Qabża għas-sena 1982 meta nħass il-bżonn li l-klabb, li kompla jikber fin-numru ta’ membri matul is-snin, ikollu l-kwartieri tiegħu u għal dan l-iskop f’laqgħa ġenerali straordinarja l-membri taw mandat lil Joe Mula President, Joe Bugelli Segretarju u George Spiteri Teżorier sabiex isibu post u fis-sajf tal-istess sena 1982 u l-għażla waqet fuq il-post li jġib in-numru 68, Triq Il-Kapuċċini ġewwa il-Furjana.

Qabża oħra ta’ 12-il sena eżattament għad-data tat-Tlieta 2 t’Awwissu 1994 saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja fis-sala San Publiju ġewwa l-Furjana fejn l-erba’ membri tal-kumitat maħtura biex imexxu l-klabb għas-snin 1993/1995 irriżenjaw. Kien grazzi għal grupp ta’ membri mmexxija minn John Zammit li l-klabb kompla miexi fit-triq tiegħu. Fil-fatt, John Zammit, wara din id-data għamel perjodu ta’ 21 sena bħala President tal-Club.

Il-klabb kompla jikber tant li fuq inizjattiva tal-mibki qatt minsi Joseph Schembri, jew kif kien aħjar magħruf Joe il-Whitefrost, fis-sena 1995 inxtrat biċċa art f’Santa Venera, Triq Salvinu Spiteri fejn inbnew il-kwartieri l-ġodda tal-Inter Club Malta, il-vera dar tal-Interisti Maltin u Għawdxin. Il-klabb ġewwa Santa Venera li hu proprjetà u mixtri mill-klabb, beda jiffunzjona għall-membri fis-sena 1997. Kwartieri li matul is-snin żaruhom diversi personalitajiet distinti Maltin u barranin, kif ukoll għexieren ta’ partitarji Maltin u Għawdxin sabiex niċċelebraw kif jixraq is-suċċessi Interisti. Illum b’wiċċna minn quddiem niftaħru wkoll li l-Inter Club Mata tista’ tgħid għandu palazz ġewwa Santa Venera li jikkonsisti fi tlett swali armati b’big screens u arja kundizzjonata. Dawn jintużaw mill-membri tagħha primarjament biex jaraw il-logħbiet tal-Inter fil-kumdita’, għal attivitajiet soċjali u biex jintaqaw il-membri b’mod kordjali matul il-ġimgħa.

46 Anniversarju bilfors li matulhom kien hemm dati li jibqgħu jissemmew fl-istorja tal-klabb. Tista’ tagħti xi informazzjoni dwarhom?

Huwa minnu dak li għidt u żgur li fost l-avvenimenti li jagħmlu parti mill-istorja tagħna nsibul-ġiti fl-ewwel snin tal-klabb tagħna u ma nistax ma ssemmix l-ewwel ġita li qatt ġiet organizzata fis-sena 1982 eżattament fil-bidu tax-xahar ta’ Marzu,fejn dawk kollha li għamlu parti minn din l-ewwel ġita żaru Appiano Gentile fejn ġew milqugħa mill-kowċ ta’ dak l-Istaġun il-mibki Eugenio Bersellini u kellhom il-ħin li jiltaqgħu mal-plejers u jassistu għas-sessjoni tat-training. Mawriet oħra ta’ suċċess kbir kienudawk ġewwa Locri li fiha l-klabb tagħna ħa sehem f’Tournament tal-futbol f’din il-belt bejn numru ta’ klabbs oħra tal-Inter madwar l-Italja u ħareġ rebbieħ u fil-fatt it-Trofew sabiħ mogħti għal din ir-rebħa għadu jżejjen il-vetrina tal-kamra tal-kumitat tal-klabb tagħna u dawk tal-ewwel kampjonat mirbuħ tal-era Mancini, u l-erba’ finali tat-Tazza UEFA.

Ta’ minn isemmi li l-Inter Club Malta kien l-ewwel klabb barra mill-Italja li ra ż-żjara ta’ plejers Interisti – Maurizio Ganz u Pier Luigi Orlandini, Ġunju 1996. Żjarat oħra saru f’Ġunju tal-2000 meta fostna kellalil Benoit Cauet, Matteo Ferrari, Dario Simic u  Sebastian Frey akkumpanjati mill-kowċ Marcello Lippi u d-diriġent Julio Velasco, Javier Zanetti li meta kien fostna nġabret is-somma ta’ €5,000 għal Fundazzjoni Pupi, Nicola Berti, Dejan Stankovic Riccardo Ferri (it-tieni darba tiegħu) flimkien ma’ diversi uffiċjali taċ-Centro Coordinamento Inter Clubs f’Diċembru 2022 meta l-Inter għamlu stage f’Malta  u s-sena l-oħra 2023 Andreas Brehme li ħalliena f’Marzu li għadda.

Iżda bla dubju ta’ xejn hija d-data tat-3 ta’ Settembru 2002 li ibqa’ mnaqqxab’ittri tad-deheb fl-istorja tal-klabb tagħna. Dakinhar ġew il-klabb tagħna biex jinawguraw is-sala l-ġdidau l-klabbb’mod uffiċjali l-Viċi President ta’ dak iż-żmien il-mibki u qatt minsi Giacinto Facchetti flimkien mal-plejers Javier Zanetti u Alvaro Recoba, Roberto Scarpini mill-Inter Channel u Dott. Emanuele Nardi diriġent tal-Inter.

Illum il-ġurnata, l-Inter Club huwa meqjus fost l-aqwa klabbs tal-partitarji fid-dinja hekk kif fit-totalitá tiegħu jikkompeti tajjeb ma’ klabbs ta’ partitarji kbar bħal dawk tal-Indoneżja u l-Albanija. X’impatt għandu l-Inter Club Malta f’dan ir-rigward meta tqis iċ-ċokon ta’ gżiritna?

Sa mill-bidu tiegħu n-numru ta’ membri fi ħdan l-Inter Club Malta kien wieħed numeruż tant li dejjem konna meqjusa fost l-akbar barra mill-Italja. Tant dan hu fatt li fl-istaġun li għadda b’1,220 membru spiċċajna t-tielet klabb barra mill-Italja u l-għaxar klabb fid-dinja meta tieħu in konsiderazzjoni l-klabbs fl-Italja. Għalina dan huwa suċċess kbir meta tqabbel il-popolazzjoni Maltija ma’ pajjiżi ferm akbar minnha fid-daqs u popolazzjoni. Barra minn dan wieħed irid iqis il-fatt li eżempju l-Indoneżja u l-Albanija jeżisti klabb wieħed mentri hawn Malta hawn aktar minn wieħed. Għalhekk jien kburi mill-fatt li l-klabb tagħna dejjem kien fost l-aqwa ‘Supporter’s Clubs’ Interisti fid-dinja.

L-Inter Club Malta kellu diversi kisbiet importanti matul dawn is-46 sena. X’inhu s-sigriet tas-suċċess tal-klabb?

Żgur li s-sigriet tas-suċċess ta’ dan il-klabb huma l-membri speċjalment dawk li ilhom imsieħba mill-1978 li dejjem taw l-għajnuna tagħhom kull meta l-klabb ġie bżonnhom. Fil-fatt il-kwartieri li jinsabu f’Santa Venera huwa prova ta’ dan. Sigriet ieħor tas-suċċess huma dawk il-persuni li sa mit-twaqqif tiegħu mexxew il-klabb b’impenn sħiħ li ħafna drabi poġġew il-klabb anke qabel l-interessi personali tagħhom.

Xi tfisser li tkun membru fl-Inter Club Malta, kif jista’ wieħed jissieħeb membru u x’inhuma s-servizzi li toffru lill-membri tagħkom?

Mistoqsija tassew f’waqtha u li ħafna jistaqsuha. Mela l-aktar ħaġa mportanti li wieħed tajjeb ikun jaf hu li meta jissieħeb fl-Inter Club Malta ikun jifforma parti miċ-Centro Coordinamento Inter Clubs, f’kelma waħda tkun tagħmel parti mill-F.C. Internazionale Milano u tgawdi mis-servizzi u benefiċċji li joffru kemm huma kif ukoll aħna bħala klabb. Fil-fatt dawk kollha attivati fil-portal tal-membri tal-klabb tagħna jirċievu membership card maħruġa mill-Inter u Welcome Kit li jvarja kull staġun. Benefiċċji u s-servizzi oħra li wieħed jista’ jibbenefika minnhom huwa skont ta’ 10% meta wieħed jixtri mill-Inter Store, privileġġ li tixtri l-biljetti bi skont għall-logħbiet importanti tal-Inter fil-Meazza u dan huwa wieħed mis-servizzi provdut mill-klabb tagħna lil membri. Apparti dan is-servizz minn żmien għal żmien l-Inter Club Malta joffri diversi souvenirs bħalma huma mugs, scarfs, bnadar, distintivi li jikkommemora trijonfi Interisti, kif ukoll pubblikazzjonijiet bil-malti li hu dan il-klabbbiss  joffri lil partitarji Interisti Maltin u Ghawdxin.

Li tissieħeb huwa faċli. Kemm tħallas il-kwota ta’ €30 fil-każ ta’ senior u €20 fil-każ ta’ junior li twieled wara l-1 ta’ Lulju 2010 permezz tar-REVOLUT fuq in-numri 79310175 jew 99231058 jew BOV Mobile Pay fuq in-numru 99389331 u jara li jagħti d-dettalji tiegħu inkluż in-numru tal-mobile u l-email jew permezz ta’ email fuq [email protected] jew jibgħathom permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook tagħna. F’każ ta’ diffikultà wieħed jista’ jikkuntattjana fuq l-email li tajt hawn fuq.

Hekk kif il-klabb ikompli miexi għall-kisba ta’ nofs seklu u aktar mit-twaqqif tiegħu, x’inhuma l-pjanijiet tal-futur?

Il-prijorità prinċipali hekk kif qed dejjem nersqu lejn nofs seklu mit-twaqqif tal-klabb tagħna jibqa’ dejjem dak li nibqgħu nkunu ta’ servizz u nżommu kuntatt kontinwu mal-membri tagħna. Illum fl-era tal-media soċjali l-klabb tagħna qed jevolvi ruħu permezz tal-paġni tiegħu fuq Facebook u Instagram biex nilħqu udjenza akbar u n-newsletter ta’ kull xahar ‘online’ – ‘In-Nerazzurro’. Punt li nixtieq insemmi f’dan l-istadju hu l-kwartieri tagħna f’Santa Venera li hu interament tagħna, il-vera dar tal-Interisti Maltin u Għawdxin. Naħseb li kull minn għandu d-dar tiegħu jaf kemm spejjeż hemm biex iżommha fi stat tajjeb u dan jgħodd għalina wkoll. Huwa biss għal ġenerożità tal-membri u l-attivitajiet li norganizzaw li nistaw nkomplu ninvestu f’dan il-palazz kapolavur, li ftit huma dawk il-klabbs li jistaw jiftaħru li għandhom.

Il-messaġġ finali tagħkom għall-Interisti Maltin u Għawdxin hekk kif il-klabb qed jiċċelebra dan it-tragward importanti fl-istorja tiegħu.

Il-messaġġ huwa wieħed – dak li intom tibqgħu iċ-ċentru tal-attività tagħna bħala klabb. Biex dan ikompli jseħħ hemm bżonn li tkomplu ssegwuna u tipparteċipaw fl-attivitajiet li norganizzaw. Jien ċert li dan se jkompli jsir għax li kieku ma kienx hekk mhux qegħdin hawn niċċelebraw is-46 anniversarju mit-twaqqif tal-klabb tagħna!

Fl-aħħarnett nixtieq f’isem il-kumitat preżenti nirringrazzja minn qalbi li kull minn ta’ sehmu – presidenti, membri tal-kumitat u membri tal-klabb tagħna matul dawn is-46 sena ta’ ħidma kontinwa sabiex ninsabu fejn qegħdin – wieħed mill-aqwa Inter Clubs fid-dinja!

Sport