Il-MICAS iħabbar skultura kkummissjonata reċentement tal-mibki artist ċelebrat Ray Pitrè, li se titqiegħed f’post prominenti fil-kampus bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-mużew
Il-MICAS, l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta, iħabbar skultura ewlenija li għadha kif ġiet ikkummissjonata mill-artist Malti ċelebrat Ray Pitrè (1940-2024), li se tkun pożizzjonata b’mod permanenti u prominenti fil-kampus bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS.
Fid-9 ta’ Jannar 2025, il-MICAS jagħti ġieħ lil-legat tal-mibki Pitrè, wieħed mill-esponenti ewlenin tal-arti kontemporanja f’Malta, li x-xogħol finali tiegħu Figure In Rods (2024) jgħaddi għandi l-MICAS il-legat ta’ dan l-artist dinamiku Malti.
Wirja oħra dwar Pitrè kkurata mill-istoriku tal-arti Malti Joseph Paul Cassar, espert ewlieni dwar l-arti moderna u kontemporanja Maltija bbażat f’Washington, tiftaħ ukoll bl-inawgurazzjoni tal-iskultura.
Fil-11 ta’ Jannar 2025, il-MICAS se jospita lil Cassar għal taħdita interessanti dwar l-arti ta’ Figure in Rods. Id-dħul huwa b’xejn iżda l-ibbukkjar huwa obbligatorju.
“Il-MICAS ikkonsulta mill-qrib ma’ Pitrè dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ Figure In Rods u l-pożizzjoni permanenti tiegħu fuq il-kampus tal-mużew. Ninsabu kuntenti li x-xewqat eżatti tiegħu dwar it-twettiq u t-tqegħid tiegħu ġew onorati. Imnikktin għat-telfa tiegħu u li ma setax ikun hawn biex jara l-inawgurazzjoni ta’ xogħolu,” qalet Edith Devaney, Direttur Artistiku tal-MICAS.
“Għall-viżitaturi tal-MICAS, din l-opra tiġbor fiha il-kapaċità bla paragun ta’ Pitrè li jesplora temi psikoloġiċi u emozzjonali profondi. Figure In Rods se jservi bħala mafkar għal Pitrè u l-legat tiegħu.”
Iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li l-ikkummissjonar u t-tqegħid permanenti ta’ Figure in Rods jiċċelebraw il-legat artistiku ta’ wieħed mill-ifjen artisti ta’ Malta, u jissottolinja l-missjoni tal-MICAS li jġib l-arti u l-artisti Maltin fi djalogu ma’ komunità artistika internazzjonali.
“Huwa tabilħaqq ta’ unur għalina li nsiru l-kustodji tax-xogħol finali ta’ Ray Pitrè, f’dan l-istadju bikri tal-missjoni tal-MICAS biex jġib l-arti kontemporanja internazzjonali f’Malta, iżda wkoll li nuru l-arti kontemporanja Maltija lill-bqija tad-dinja,” qalet Muscat.
Il-wirja se tinkludi wirja ta’ tpinġijiet, pitturi u skultura iżgħar minn Pitrè relatata ma’ Figure In Rods.
Dħul bi ħlas fil-MICAS jagħti lil viżitaturi aċċess għall-wirja ta’ Ray Pitrè kif ukoll dik ta’ Joana Vasconcelos u għax-xogħolijiet ta’ Conrad Shawcross fuq is-sur tal-La Vittoria u l-kmamar ta’ taħt.
Dwar l-Artist
Ix-xogħol ta’ Pitré ġie esibit internazzjonalment f’Londra, Berlin, Firenze, Kopenħagen, Brussell, Palermo, Alġeri, New York u Kyoto. Huwa rrappreżenta lil Malta fil-Biennale ta’ Venezja fl-1999, u xogħlu jinsab f’kollezzjonijiet nazzjonali u istituzzjonijiet oħra.
Imwieled fl-1940 ftit wara li bdew l-ewwel attakki mill-ajru fuq Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Pitrè akkredita s-surrealiżmu ta’ Salvador Dalì bħala l-ewwel togħma tiegħu tal-arti internazzjonali.
Ta’ żgħażugħ għal xi żmien ittanta ħajja kunventwali bħala novizz, iżda fl-aħħar ta’ lajk sar kuntistabbli tal-puliżija biex ukoll jibqa għaddej fil -karriera artistika tiegħu.
Apparti l-ewwel xogħolijiet tiegħu mis-serje Scream fis-sittinijiet, huwa pproduċa wkoll xogħlijiet sperimentali bl-użu ta’ collage u mezzi mhux konvenzjonali bħal fildiferru tal-gaġġeġ, hardboard, metall, ħadid maħdum, u diversi objet trouvé, ispirat minn Duchamp u Calder.
L-impatt ta’ Pitrè beda sewwa sew bħala wieħed mill-artisti ewlenin Maltin għar-ritratti ppużati: msejjaħ minn uffiċjal għoli tal-pulizija biex jeżegwixxi r-ritratt tal-prim ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff, fl-1973, is-suċċess ta’ dan ir-ritratt fetħitlu t-triq għal kummissjoni ġdida tar-ritratt ta’ Sir Anthony Mamo, l-ewwel President tar-Repubblika ta’ Malta.
L-ewwel wirja personali tiegħu fil-Mużew tal-Arti Nazzjonali fl-1976 ġabitlu fama nazzjonali, u minn hemm seta jniedi l-istudjo l-kbir tiegħu fi Swieqi biex jiddedika ħajtu kompletament għall-arti.
Fl-1999, Pitrè ntgħażel flimkien ma’ Vince Briffa u Norbert Attard għall-padiljun nazzjonali ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja, bl-iskulturi Guerriero.
Fl-2000, Pitrè ġie onorat bħala Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu tar-Repubblika ta’ Malta għas-servizzi tal-arti.
Dwar ix-xogħol
Oriġinata minn assemblaġġ ta’ materjalità diversa u konċeputa għall-ewwel darba fl-1969, waqt wieħed mill-‘booms’ ta’ żvilupp aggressiv f’Malta, Figure in Rods hija esplorazzjoni qawwija ta’ konfinament psikoloġiku.
Bħala wieħed mill-ewwel esponenti Maltin tal-Arte Povera, il-moviment artistiku li oriġina fl-Italja fis-sittinijiet tas-seklu għoxrin, Pitrè kien magħruf li jmur ifittex fuq is-siti ta’ bini biex jiġbor il-vireg tal-metall u skart ieħor biex mbagħad jagħtihom għan ġdid fil-kreazzjonijiet tiegħu. L-artist ta’ spiss irrifletta fuq in-natura tan-nasba ristrettiva li toħloq l-urbanizzazzjoni, li hija kwistjoni relevantissima għas-soċjetà kontemporanja.
Ix-xogħol huwa karatterizzata b’figura solitarja mpoġġija qalb densità qawwija ta’ vireg weqfin, fejn il-preżenza ta’ din il-figura tiġi tżvelata jew moħbija hekk kif li l-viżitaturi jduru madwarha.
Figure in Rods huwa xogħol li jagħti eżempju tal-proċess artistiku profondament introspettiv ta’ Pitrè, ibbażat f’memorja awtobijografika u l-ispazji liminali tal-esperjenza umana. Permezz ta’ assemblaġġ kumpless ta’ vireg tal-ħadid, l-artist ibiddel il-figura umana fi preżenza elużiva li tissuġġerixxi simultanjament eżistenza u assenza. Il-vireg wieqfa, simili għal sentinelli silenzjużi, iqanqlu sens ta’ iżolament u diskonnessjoni, simbolu tal-barrieri inviżibbli li jħabblu l-moħħ uman.
B’manipulazzjoni ta’ spazji negattivi u pożittivi, Pitrè joħloq esperjenza viżwali dinamika li fiha l-iskultura titbandal bejn materjalità u eterealità. Ir-rendiment fil-bronż jippermetti d-dawl u d-dell jilagħbu fuq ix-xena surreali b’saffi multipli, jistieden lill-viżitaturi biex jinvolvu ruħhom fir-relazzjonijiet kumplessi bejn il-forma, il-perċezzjoni, u r-restrizzjoni psikoloġika.