Tuesday, December 24, 2024

Il-midfielder Marokkin Sofyan Amrabat jagħmel apoloġija mal-partitarji ta’ Fiorentina

Aqra wkoll

Il-midfielder internazzjonali Marokkin, Sofyan Amrabat, għamel apoloġija lill-partitarji ta’ Fiorentina wara li fl-aħħar jumejn tas-suq tat-trasferiment ta’ Jannar għamel pressjoni fuq il-club biex jingħaqad ma’ Barcelona wara li fl-aħħar ġimgħa l-Katalani wrew interess fis-servizzi tiegħu għal self sa tmiem l-istaġun b’għażla għal kuntratt permanenti.  

Dawn it-termini ma kinux aċċettabbli għall-Viola, li rrifjutaw l-offerta għal kollox, u ħallew lill-player tagħhom frustrat.

Fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Torino valida mill-kwarti-finali tal-Coppa Italia ta’ nhar l-Erbgħa, għall-bidu ġie deċiż biex Amrabat jitħalla barra mill-iskwadra iżda mbagħad ġie utilizzat bħala sostitut wara li skuża ruħu.

“B’dak li ġara Amrabat deher imħawwad, iżda skuża ruħu u jaf li jrid jagħti kollox sa Ġunju. Huwa player mill-aqwa,” qal il-coach tal-Viola, Vincenzo Italiano.

“Is-suq tat-trasferimenti huwa traġedja sportiva għall-coaches. Issa li huwa magħluqa nistgħu nerġgħu nibdew niffukaw fuq il-logħba.”

Fiorentina rebħu l-kwarti tal-finali b’goals ta’ Luka Jovic u Jonathan Ikone bil-goal ta’ Torino jasal minn  Yann Karamoh.

Ekonomija

Sport