Saturday, May 18, 2024

Jinsterqu l-ingwanti li Dino Zoff kien jilbes fit-Tazza tad-Dinja 1982

Aqra wkoll

Insterqu l-par ingwanti li l-goalkeeper Taljan, Dino Zoff, kien jilbes waqt it-Tazza tad-Dinja 1982 waqt wirja biex tiċċelebra l-istorja tal-Azzurri.

L-ingwanti kienu ddisinjati apposta għat-tournament fi Spanja, u għalhekk kienu ddisinjati bil-kuluri abjad, griż u iswed b’palma ħamra ​bħala ġieħ għall-kuluri lokali. 

Dawn l-ingwanti kienu esebiti fil-lukanda Hilton ta’ Ruma waqt serata ta’ karità li tirrappreżenta lil Un Secolo d’Azzurro, wirja li tkopri 100 sena tal-istorja tal-Azzurri.

L-ingwanti użati minn Zoff waqt it-Tazza tad-Dinja fl-1982 huma parti minn dik il-wirja fil-Mużew tal-Football f’Coverciano.

“Hija l-ewwel darba li sofrejna serq daqshekk serju f’ħames snin ta’ attività,” qal il-promotur Aldo Rossi Merighi.

Il-wirja kienet tinkludi aktar minn 500 oġġett li ġew intużati mill-1870 sal-2023.

Mhux magħruf min seraq l-ingwanti ta’ Zoff jew għaliex dawn l-oġġetti partikolari kienu fil-mira.

Zoff kien il-captain tat-team tal-Italja li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-1982 fi Spanja u kien l-aħħar turnament ewlieni tiegħu, fl-etá ta’ 40 sena.

Sport