Wednesday, April 24, 2024

IL-POPOLAZZJONI QIEGĦDA TKOMPLI TIXJIEĦ?

Aqra wkoll

Bla dubju, ħafna nħawi fid-dinja huma għaddejjin minn taqlib u ansjetajiet diffiċli fosthom il-faqar, it-tibdil klimatiku u qirda tal-ambjent naturali. Iżda x’aktarx li l-ikbar sfida għal ħafna gvernijiet hi li l-popolazzjoni globali qed tixjieħ għax in-nies qegħdin jgħixu aktar. 

Li n-nies qed jgħixu iktar forsi huwa grazzi għall-avvanzi teknoloġiċi li għamlet ix-xjenza medika li llum waslet biex tfejjaq mard li sa ftit ilu kien joqtol lil min jinħakem minnu. B’dankollu, ħafna mill-progress li jseħħ iġib miegħu problemi wkoll. Għax iktar ma n-nies tgħix u tixjieħ aktar ikunu meħtieġa investimenti u proġetti biex isostnu l-anzjanità.

Sa nofs dan is-seklu li ninsabu fih, huwa stmat li l-popolazzjoni ta’ nies ta’ 65 sena jew aktar madwar id-dinja se titla’ għal aktar minn 1.6 biljuni meta ċ-ċifra ta’ anzjani sa sentejn ilu kienet ta’ madwar 760 miljun. Dan ifisser li se jkun hemm iktar mid-doppju ta’ anzjani f’ġenerazzjoni waħda.

Din mhix sfida dinjija ta’ darba imma se tibqa’ hemm għal tul ta’ snin li jekk ma tittieħed ebda azzjoni dwarha ġġib konsegwenzi kbar, l-iktar fuq setturi strateġiċi soċjali bħalma huma x-xogħol, il-kura tas-saħħa u djar għall-anzjani.

Pajjiżna ilu li ntebaħ b’dan il-fenomenu ta’ anzjani dejjem jiżdiedu u l-problemi li jista’ jġib miegħu. F’dan il-kuntest, il-Gvern diġà ħa passi biex jilqa’ għal dan, fosthom li jinkoraġġixxi l-anzjanità attiva. Anke lil anzjani ta’ ċertu età biex jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. 

Malta kienet minn ta’ quddiem fil-politika dwar ix-xjuħija u l-anzjanità. Fl-aħħar snin, pajjiżna wettaq titjib konsiderevoli f’diversi oqsma mhux biss f’dawk li huma bżonnijiet relatati mal-anzjani, iżda wkoll fil-promozzjoni tal-benesseri fiżiċi, psikoloġiċi u soċjali tagħhom u titjib ieħor tal-opportunitajiet biex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-anzjani. 

Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kienet stqarret li l-po­polazzjoni Maltija fl-2019 kienet kważi 515,000 li 127,000 minnhom kienu persuni ta’ 60 sena jew iktar. Dan jammonta għal 24.5% tal-popolazzjoni kollha. 

Huwa fatt li l-popolazzjoni li qed tixjieħ tinbidel kontinwament u għalhekk il-politika teħtieġ tevolvi skont dan it-tibdil. Il-Gvern Malti għaraf dan tant li f’Settembru tal-2021 kien ħareġ Politika Strateġika Nazzjonali ġdida għall-Anzjanità għall-perjodu 2021 sal-2027, li kienet anke tpoġġiet għall-konsultazzjoni pubblika. Din il-politika kellha l-għan li tkompli ttejjeb is-settur tal-anzjani f’Malta u tieħu inkonsiderazzjoni tad-differenzi kbar fost din is-settur tal-popolazzjoni.

Dan kollu juri li l-anzjani f’pajjiżna la kienu u lanqas se jiġu mwarrbin minn kull azzjoni li jista’ jieħu l-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tal-lum u tal-ġejjieni. Il-ħsieb u l-ħidma biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità li twieldu fiha flimkien ma’ miżuri soċjali oħrajn huma xhieda ta’ hekk. 

Sport