Saturday, December 14, 2024

Il-militar ta’ Myanmar se jeħles aktar minn 3,000 priġunier għal bidu tas-sena l-ġdida

Aqra wkoll

Il-militar ta’ Myanmar ħabbar li għal bidu tas-sena l-ġdida kien se jeħles 3,113-il priġunier fosthom 98 barranin li bħalissa jinsabu f’ħabsijiet madwar il-pajjiż. Il-militar qal li qed jagħmel dan biex iżomm it-tradizzjoni ta’ ħelsien ta’ priġunieri fl-ewwel jum tas-sena.

Minn mindu l-militar ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh eluf kbar ta’ attivisti tal-Oppożizzjoni u anke attivisti favur id-demokrazija fil-pajjiż ġew maqfulin f’diversi ħabsijiet.

Matul iż-żmien tat-tmexxija kien hemm diversi protesti madwar il-pajjiż li min-naħa tiegħu l-militar dejjem uża l-forza biex iwaqqafhom. Skont attivisti tal-oppożizzjoni s’issa nqatlu aktar minn 3,240 persuni ċivili li kollha kienu qegħdin jipprotestaw kontra t-tmexxija tal-pajjiż.

Aung Lin Dwe l-kelliem għat-tmexxija militari qal li “biex niċċelebbraw l-ewwel jiem tas-sena f’Myanmar, se jinħelsu eluf ta’ priġunieri biex b’hekk ikun hemm aktar ferħ fost il-poplu u anke jiġi indirizzat tħassib mill-komunità internazzjonali dwar kemm hemm bażi li dawn il-priġunieri jibqgħu jinżammu arrestati.”

Attivisti qegħdin jgħidu li bħalissa hemm aktar minn 17,460 persuna arrestati li kollha kienu qegħdin jipponu l-kolp ta’ stat li sar mill-militar.

Fosthom hemm Aung San Suu Kyi l-eks mexxejja tal-pajjiż li ukoll rebħet il-Premju Nobel. Għax hi opponiet għat-tmexxija militari hija kienet ingħatat sentenza ta’ 33 sena ħabs.

Ekonomija

Sport