Sunday, May 5, 2024

IL-MINA TA’ GĦAWDEX

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Se ssir jew mhux se ssir? 

L-aħħar stqarrija awtorevoli dwarha – fid-dokument ta’ strateġija reġjonali għal Għawdex – kienet li qed issir konsiderazzjoni mill-ġdid tal-proġett. Kulħadd fehem li dan jindika titubar serju dwar il-proġett li jista’ jwassal biex ikun kanċellat. Ir-raġunijiet għaliex ma tfissrux b’mod ċar.

Ma jistgħux ikunu finanzjarji, għax jekk kont fhimt tajjeb, il-ħsieb kien li l-proġett se jsir b’mod li jiġi finanzjat b’investiment privat. Dejjem ħassejtni xettiku dwar kemm ħaġa bħal din kienet tista’ tiġri imma hekk intqal.

Bħala wieħed li qatt ma qbilt mal-kunċett tal-mina għal ħafna raġunijiet, ma nistax ngħid li jiddispaċini jekk ma tinbniex. Min-naħa l-oħra lanqas ma tant hi ħaġa sew li proposta kbira bħal din tibqa’ mdendla għal żmien u għomor.

Sadattant, kif dejjem ukoll ħsibt, jekk il-proġett jista’ jitwettaq biss b’fondi publiċi, niddubita ħafna kemm se jkun jista’ jiġi finanzjat bil-galbu fiċ-ċirkostanzi li jidhru quddiemna.

SAĦĦA MENTALI

Dwar is-saħħa mentali jiġu żminijiet meta nisimgħu ħafna. Hemm qbil ġenerali li dan hu suġġett li jistħoqqlu impenn u attenzjoni kbar. Jittieħdu inizjattivi li donnhom isostnu direzzjoni maħsuba biex tagħti dejjem aktar xhieda ta’ hekk. F’dal-qasam jeżistu wkoll għaqdiet volontarji eċċellenti li qed jagħtu xogħol tajjeb u sostnut.

Forsi hi allura impressjoni żbaljata tiegħi li ħidma nazzjonali iffokata f’dal-qasam baqgħet nieqsa? Kemm f’investimenti konkreti f’faċilitajiet u kemm fil-provista ta’ servizzi moderni li jlaħħqu ma’ diversi aspetti tas-saħħa mentali mas-saffi kollha tal-popolazzjoni… Donnu li hemm wisq spezzaturi, wisq nuqqasijiet.

Nittama li għandi żball.

MAĠĠORANZA KWALIFIKATA

Qed jiżdiedu s-sejħiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex f’numru ta’ oqsma fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’unanimità, dawn issa jibdew jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata. Jintqal li jkollu jsir hekk biex l-Unjoni tkun tista’ taġixxi fil-ħin quddiem l-isfidi li jinqalgħu, mhux tibqa’ paralizzata bla deċiżjoni. 

Min jargumenta hekk, isemmi kif mingħajr bidla bħal din, it-tkabbir li qed jiġi propost tal-istess Unjoni fis-snin li ġejjin ma jkunx fattibbli. Bla dubju, il-pressjoni biex tinqata’ l-unanimità se tibqa’ tikber.

Għall-pajjiżi l-kbar, dan ma joħloqx wisq problemi. Jafu li jkunu jistgħu jistrieħu fuq koalizzjoni tal-kbar meta jinqalgħu kwistjonijiet ewlenin. L-istess ma jistax jintqal għall-pajjiżi ċkejkna, b’Malta, il-Lussemburgu u Ċipru fuq quddiem nett f’dil-qagħda. Għalina l-aktar suġġetti li joħolqu problemi huma t-tassazzjoni, in-newtralità, is-sigurtà u d-difiża kif ukoll il-politika barranija. Żgur jinqalgħu oħrajn.

Sa minn wara l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss (jekk mhux minn qabel) Malta għandha tistenna li tkun ippressata biex taqbel mal-maġġoranzi kwalifikati f’dawn l-oqsma.

Sport